Il-Gvernatur tal-Bank tal-Ingilterra, Mark Carney, qed iwissi dwar ‘riperkussjonijiet koroh għal-lira Sterlina’ f’każ ta’ Brexit – jew aħjar vot biex ir-Renju Unit iħalli lill-Unjoni Ewropea.
Ir-Renju Unit jiddeċiedi jekk ikomplix mal-grupp ta’ pajjiżi waqt referendum li jsir ix-xahar id-dieħel u Carney sostna li vot għall-ħruġ mill-UE għandu ‘jagħfas il-brejk’ għall-iżvilupp ekonomiku, bl-inflazzjoni fir-Renju Unit tieħu spinta sostanzjali.
Carney kiteb ittra lill-Kanċillier tar-Renju Unit, George Osborne, fejn fisser li sitwazzjoni ta’ Brexit se taffettwa ħażin ukoll il-prezzijiet tal-proprjetà u l-impjegi.
Min-naħa tiegħu, Osborne iddikjara l-ittra bħala ‘mument kbir’ fid-dibattitu dwar il-futur tar-Renju Unit u l-Ewropa u enfasizza li ‘l-Brexit jaċċerta li pajjiżu jispiċċa aktar fqir fi kwalunkwe ċirkustanza’.
L-istqarrija ta’ Mark Carney iffurmat parti mill-aħħar aġġornament (quarterly update) lill-Kanċillier dwar ir-rwol tal-Bank tal-Ingilterra fl-immaniġġjar tal-inflazzjoni fl-ekonomija. L-intervent preċedenti minn Carney dwar ir-referendum indika li hu qed iqis il-possibbiltà ta’ Brexit bħala ‘l-akbar element ta’ sogru li jista’ jiffaċċja r-Renju Unit fuq livell domestiku’.
//= $special ?>