Gwardjan fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin ma nstabx ħati li xewwex għal vjolenza u mibgħeda razzjali permezz ta’ post fuq Facebook għaliex il-post ma kienitx diretta lejn persuna jew grupp ta’ persuni li jinsabu f’Malta.
Vincent Debono ta’ 45 sena kien akkużat li f’Ottubru li għadda ikkummenta fuq aħbar li dehret fuq Facebook dwar ċentru miftuħ għar-refuġjati u immigranti li ħa n-nar fl-Iżvezja. Il-kumment tal-akkużat kien “nittama li qed jinħaraq bihom ġewwa”. Persuna mill-Irlanda ġibdet l-attenzjoni tad-Direttur tal-Ħabs dwar dan il-kumment minn impjegat tiegħu u minn hemm bdiet l-investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-ħabs u sussegwentement mill-pulizija.
Minbarra l-akkuża ta’ tixwix għal vjolenza u mibegħda razzjali, Debono kien akkużat ukoll li uża network jew appart elettroniku għal użu mhux xieraq, liema akkuża Debono ammetta.
Id-Difiża argumentat li l-artiklu dwar it-tixwix għal vjolenza u mibegħda razzjali jitkellem dwar vjolenza jew mibegħda razzjali kontra persuna jew grupp ta’ persuni f’Malta. Fil-kumment tiegħu, Debono kien qed jirreferi għal refuġjati li kienu jinsabu fl-Iżvezja u mhux f’Malta.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta milll-Maġistrat Aaron Bugeja irreferiet ukoll għad-dibattitu fil-Parlament meta kienet introdotta din il-liġi sabiex tistabilixxi l-intenzjoni tal-leġislatur fejn jidher li l-leġislatur ried jikkastiga dan ir-reat li jsir fil-konfront ta’ persuna jew persuni li jinsabu f’pajjiżna u ma jolqotx persuna jew grupp ta’ persuni li jinsabu barra mill-pajjiż.
Filwaqt li laqgħet it-talba tad-Difiża, il-Qorti kkummentat li l-leġislatur għandu jikkonsidra serjament li jwessa’ t-tifsira ta’ mibgħeda jew vjolenza razzjali tkun imwessa’ biex tapplika anke fir-rigward ta’ persuni li ma jkunux f’Malta.
Għar-rigward tal-ewwel akkuża li dwarha ammetta l-ħtija, Vincent Debono kien immmultat €5,000
Debono kien assistit mill-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili
//= $special ?>

