Internazzjonali

‘Mhix tirnexxi’ l-missjoni kontra t-traffikanti ta’ nies mil-Libja

Migrants sit inside the crowded hull of their wooden boat off the coast of Libya May 14, 2015. International non-governmental organisations Medecins sans Frontieres (MSF) and MOAS (Migrant Offshore Aid Station) rescued 561 migrants at sea off the coast of Libya on Thursday, according to Maltese media. Their vessel, the Phoenix, is the first privately funded vessel to operate in the Mediterranean. Almost 3,600 migrants have been rescued from overcrowded boats sailing from Africa to Europe over the past 48 hours, Italy said on Thursday, with sea conditions seen as perfect for attempting the crossing. REUTERS/MOAS/Jason Florio/Handout via ReutersATTENTION EDITORS - NO SALES. NO ARCHIVES. FOR EDITORIAL USE ONLY. NOT FOR SALE FOR MARKETING OR ADVERTISING CAMPAIGNS. THIS IMAGE HAS BEEN SUPPLIED BY A THIRD PARTY. IT IS DISTRIBUTED, EXACTLY AS RECEIVED BY REUTERS, AS A SERVICE TO CLIENTS

Kumitat tal-Parlament fir-Renju Unit qal li l-missjoni navali tal-Unjoni Ewropea li qed tikkonfronta lit-traffikanti tan-nies fil-Mediterran naqset, s’issa, milli tilħaq l-għanijiet.

L-EU Committee tal-House of Lords, permezz tar-rapport, qal li Operation Sophia ‘mhix tostakola lid-dgħajjes u l-bastimenti tat-traffikanti b’xi mod sinifikanti’. Id-dokument tenna wkoll li l-qerda tad-dgħajjes tal-injam ġiegħlet lit-traffikanti tal-bnedmin jużaw id-dinghies tal-gomma, b’sogru akbar għall-immigranti li jippruvaw jaqsmu l-Mediterran.

Operation Sophia bdiet f’Ġunju tal-2015 waqt li l-gwerer fis-Sirja u l-Iraq xprunaw mewġa bla preċedent ta’ refuġjati mil-Lvant Nofsani lejn l-Ewropa. Iżda l-maġġoranza tal-immigranti li qed jitilqu mil-Libja ġejjin mill-pajjiżi Afrikani ta’ taħt is-Sahara.

Il-missjoni navali tal-UE bdiet wara sensiela ta’ traġedji fejn għerqu l-mijiet tal-immigranti huma u jippruvaw jaqsmu mil-Libja għall-Italja.

Intant, żdiedu l-immigranti li qed jissugraw ħajjithom biex jivvjaġġaw mir-rotta bejn il-Libja u l-Italja, meta naqsu l-immigranti u r-refuġjati li qed jaslu fil-gżejjer Griegi mit-Turkija. Ftehim bejn l-UE u t-Turkija biex id-dgħajjes tal-immigranti jkunu interċettati fil-Baħar Eġew u jintbagħtu lura l-immigranti, ilu fis-seħħ minn Marzu.

L-UE, is-sena l-oħra, awtorizzat il-bastimenti tagħha biex jitilgħu u jfittxu fuq opri tal-baħar suspettati li qed jintużaw għal traffikar ta’ persuni fiċ-ċentru tal-Mediterran. Il-bastimenti huma anki awtorizzati biex jaħtfu dawk l-opri tal-baħar f’każ li neċessarju.

Iżda r-rapport tal-House of Lords qed jgħid li l-arresti li saru s’issa kienu ta’ ‘livell baxx’, meta l-qerda tad-dgħajjes tal-injam irriżultat f’bidla ta’ tattiċi mit-traffikanti tal-bnedmin li, issa, qed jużaw id-dinghies bħala mezz ta’ trasport ‘aktar perikoluż’.

Ir-rapport ikompli li jeżistu wkoll ‘limiti sinifikattivi għall-informazzjoni sigrieta li tista’ tinġabar’ dwar in-networks tat-traffikanti li qed imexxu dawn il-vjaġġi fuq il-baħar. Id-dokument, intant, jikkonkludi li, b’hekk, ‘ftit hemm prospetti li Operation Sophia jirnexxilha tkisser il-mudell, jew bażi, attwali ta’ dan it-tip ta’ traffikar’.

Ir-rapport, fl-istess ħin, jagħmilha ċara li l-missjoni tal-UE għadha titmexxa f’ibħra internazzjonali u mhux fl-ibħra tal-Libja, bħalma kienet l-intenzjoni oriġinali.