Alexander Scicluna ta’ 44 sena mir-Rabat Għawdex kien liberat minn akkużi kriminali li ffalsifika tikketti ta’ prodotti tal-għasel.
Il-każ imur lura għall-2012 meta Scicluna, li hu d-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Jubilee Foods, tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati t’Għawdex akkużat fost oħrajn li kien qed ibiegħ għasel inferjuri li kien qed jiġi ppakkeġġjat bħala għasel ta’ Għawdex. Hu tressaq wara li saret spezzjoni minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Agrikoltura li kienu rċevew rapporti li kien qed ibiegħ għasel ta’ barra u jipprova jgħaddih bħala għasel maħdum Għawdex.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud innutat ix-xhieda tal-espert tal-kimika agrarja Everaldo Attard li kien irrapporta li l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Agrikoltura ma segwewx il-proċeduri tal-ġbir ta’ kampjuni tal-ikel meta elevaw il-kampjun tal-għasel mill-ħanut ta’ Jubilee Foods fil-kumpless Gozitano.
Il-Maġistrat Mifsud semma dubji serji kemm il-prodott, li kien f’vażett mingħajr tikketta, kienx l-istess wieħed li dwaru sar rapport. Il-Qort qalet li l-fatt li l-vażett ma kellux tikketta, il-Prosekuzzjoni ma ppruvatx li l-vażett kellu tikketta qarrieqa.
Anki l-uffiċjal Prosekutur, l-Ispettur Josric Mifsud, kien spjega quddiem il-Qorti li l-kampjun meħud mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Agrikoltura qatt ma kien fil-pussess tal-Pulizija u qatt ma rċevew struzzjonijiet sabiex jissiġġillaw xi kampnjuni qabel ma jingħataw lill-espert.
Meta lliberat lill-akkużat, il-Qorti għamlet enfasi fuq il-prosekuzzjoni li jkollha provi biżzejjed qabel tressaq akkużi, speċjalment f’kawżi bħal dawn li “jista’ jkollhom konsegwenzi serji fuq ir-reputazzjoni kummerċjali tal-akkużat li kellu jistenna’ ħames snin sakemm saret ġustizzja miegħu.”
//= $special ?>

