Internazzjonali

Possibbilta djakni nisa

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

L-indikazzjonijiet mill-Papa Franġisku li jista’ jkun dispost għall-possibbiltà li n-nisa jkunu permessi biex jissieħbu fil-kleru Kattoliku bħala djakni għandu jwassal għal dibattitu aħrax u diżgwid profond fi ħdan il-Knisja.
Dan skont it-teorija tal-Kardinal Ġermaniż, Walter Kasper, li hu wieħed mill-eqreb alleati tal-Papa u li, waqt intervista ma’ La Repubblica, ma eskludiex ‘li l-Knisja tispiċċa mifruda f’żewġ kampijiet rigward il-kwistjoni’.
Il-kummenti ta’ Kasper ingħataw jum wara li l-Papa qal li għandu jwaqqaf kummissjoni biex tistudja l-possibbiltà li n-nisa jservu fil-knisja bħala djakni – membri ordnati tal-kleru li jistgħu jaqdu ħafna mid-doveri ta’ saċerdot.
Il-Kardinal Ġermaniż, li hu fost l-aktar elementi liberali influwenti fi ħdan il-Knisja, qal li l-Papa ried li l-kwistjonijiet ‘joħorġu fil-beraħ’ wara snin ta’ domandi biex in-nisa jingħataw rwol akbar fil-ġerarkija tal-Knisja.
Kasper kompla li hu impossibbli li wieħed ibassar ir-riżultat ta’ evalwazzjoni speċifika, iżda tenna li ‘filwaqt li hu m’għandux pożizzjoni ċara f’din il-kwistjoni, jibqa’ dejjem miftuħ għal innovazzjoni’.
Sadanittant, il-Kardinal saħaq li kull min hu kontra d-djakni nisa kważi bilfors se jargumenta li ‘huma jiftħu l-bibien għas-saċerdoti nisa’. Din il-ħaġa, skont l-indikazzjonijiet tal-Papa Franġisku, mhix miftuħa għal diskussjoni.