Lokali

Anzjan iweġġa’ wara li kien involut f’argument

Ritratt: Arkivji

Anzjan ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura wara argument bejn żewġt irġiel f’Ħaż-Żebbug.

Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post u sabu li s-sitwazzjoni f’dak il-ħin kienet kalma. Mill-investigazzjoni irriżulta li għal xi raġuni żewġt irġiel li huma ġirien ġew fl-idejn wara li qam argument bejniethom. Jidher li wieħed mill-irġiel li għandu 65 sena sofra xi ġrieħi u kif ra hekk ibnu ta’ 31 sena li kien ġewwa ħareġ barra b’ħadida f’idu.

Ir-raġel l-ieħor li għandu 51 sena u li kien involut fl-argument daħal fir-residenza tiegħu u allegatament reġa’ ħareġ barra b’arma tan-nar ippuntatha lejhom.

Permezz tal-intervent f’waqtu ta’ Surġent tal-Pulizija stazzjonat ir-Rapid Intervention Unit li f’dak il-ħin ma kienx xogħol, is-sitwazzjoni kkalmat ruħha.

Fil-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 65 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt. Filwaqt li l-persuni l-oħra ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Kemm ir-raġel ta’ 65 sena u l-ieħor ta’ 51 ġew arrestati mill-Pulizija u qed jinżammu għall-iktar stħarriġ.