Lokali Transport

Rapport b’35 Proposta mill-Partit Nazzjonalista biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku

Il-Partit Nazzjonalista nieda rapport bl-iskop prinċipali tiegħu ikun li titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku b’mod short term. B’kollox dan ir-rapport fih 35 proposta konkreta bl-iskop li tkun imrażżna l-problema tat-traffiku.

Is-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport Marthese Portelli nhar il-Ġimgħa filgħaxija waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, ppreżentat dan id-dokument għall-konsultazzjoni pubblika.

Net News ħa r-reazzjoni tal-Membru Parlamentari Marthese Portelli dwar dan ir-rapport fejn stqarret li dawn il-35 proposta juru kif Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista żamm il-wegħda tiegħu mill-Oppożizzjoni xorta waħda qiegħed joħroġ b’inizjattivi u ideat li jolqtu lill-poplu Malti kollu. Hi spjegat li hemm diversi inċentivi wkoll li huma indirizzati biex iħajru lill-pubbliku biex juża sistemi alternattivi ta’ trasport.

Dan id-dokument se jkun miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika, u jiġi ppreżentat lis-soċjeta’ ċivili u stakeholders fil-ġimgħat li ġejjin. Kull min jixtieq jagħti l-feedback tiegħu għal dawn il-proposti jista’ jagħmel dan billi jibgħat email fuq traffic@pn.org.mt.