Terroristi tal-ISIS wettqu attakk suwiċida fuq fabbrika tal-gass fl-Iraq fejn mietu talanqas 20 u fejn numru ta’ persuni sfaw midruba. L-assalt fuq il-faċilità ftit ‘il barra minn Bagdad beda bl-isplużjonijiet ta’ tliet karozzi bombi qabel numru ta’ rġiel lebsin iċ-ċinuturin tal-isplussivi daħlu fl-impjant u tajjru diversi tankijiet tal-gass.
L-aħħar rapporti qalu li l-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin jinsabu f’kontroll tas-sitwazzjoni fl-inħawi. Kelliema għall-ISIS assumew responsabbiltà għall-attakk fuq dik il-faċilità meta t-terroristi tal-grupp qegħdin jikkontrollaw diversi bnadi lejn il-Punent u t-Tramuntana tal-Iraq. Dan waqt li l-ISIS jidher li qed iżid l-attakki tiegħu fuq il-belt kapitali ta’ Bagdad u l-periferiji ta’ madwarha.
Rapporti oħra mis-Sirja qalu li militanti tal-ISIS daħlu ġo kumpless ta’ sptar fejn inqatlu għexieren ta’ ġellieda favur il-Gvern Sirjan, u fejn it-terroristi ħatfu wkoll xi staff mediku bħala ostaġġi qabel irtiraw mill-inħawi. L-attakk seħħ fiz-zona tal-belt ta’ Deir al-Zour u r-rapporti qalu li f’din l-azzjoni nqatlu wkoll madwar 20 ġellied tal-ISIS.
//= $special ?>