Lokali

Bosta interventi waqt is-sessjoni tal-llum tal-Kunsill Ġenerali tal-PN

Alex Perici Calascione ffoka d-diskors tiegħu fuq l-emendi li kellhom isiru fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista fid-dawl tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. F’ħarsa lura hu tkellem dwar l-isfidi finanzjarji li kellu jiffaċċja u dwar il-ħidma biex jittejjeb l-operat tal-partit. Meta kien qed jitkellem dwar l-iskema taċ-ċedoli hu rringrazzja lil kull min ta l-għajnuna tiegħu lill-partit u qal li hu tal-mistħija li dawn in-nies qed jitpoġġew fuq l-istess keffa mal-persuni li ssemmew fil-‘Panama Papers’.

Graziella Schembri qalet li mill-bidu tal-ħidma tagħha fi ħdan il-PN hi ammirat il-perseveranza tal-Kap tal-PN Simon Busuttil. Hi qalet li permezz tax-xogħol tagħha bħala social worker hija għarfet li l-politiċi għandhom id-dover li jindirizzaw ir-realtajiet ta’ dawk li qed jiffaċċjaw diversi sfidi. Saħqet li l-poplu għandu bżonn Gvern li jqassam il-ġid b’mod ġust. Hu l-Partit Nazzjonalista, saħqet Graziella Schembri, li qed joffri tama ta’ gvern alternattiv għall-poplu Malti.

David Thake irrefera għal dak li qal Joseph Muscat li politiku xi darba jew oħra jrid jgħid il-verità u qal li l-poplu Malti għadu qed jistenna dak il-mument meta Muscat jgħid il-verità. Hu qal li fl-aħħar reshuffle ma kienx Konrad Mizzi li ħallas iżda kien il-poplu Malti li se jkollu jħallas miljun ewro iktar kull sena għal din ir-reshuffle. Irrefera wkoll għal dak li ġie żvelat li Konrad Mizzi u Keith Schembri ma ridux li l-banek Maltin ikunu jafu li huma fetħu kumpaniji barra minn Malta – dan meta fl-istess nifs il-poplu Malti kien imwiegħed it-trasparenza. Il-Partit Nazzjonalista għandu d-dmir li jirbaħ l-elezzjoni li jmiss bil-wegħda tal-onestà u s-sewwa.

David Griscti saħaq li minkejja li ma għadhiex issir vjolenza fiżika, kollox jindika li l-vjolenza morali hija l-istrateġija ewlenija tal-Partit Laburista. L-agħar vjolenza morali, saħaq David Griscti, hija l-manipulazzjoni tal-imħuħ fejn il-Gvern jipprova juri dak li hu ħażin bħala tajjeb. Hu saħaq li l-ikbar sfida tal-Partit Nazzjonalista hi li jkompli juri rispett lejn il-poplu Malti, kuntrarju għal dan il-Gvern li qed jidħak bil-poplu f’wiċċu. Hu fakkar li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem kellu viżjoni ċara għal pajjiżna – viżjoni msejsa fuq l-onestà.

Toni Bezzina qal li sa mill-ewwel jiem ta’ dan il-Gvern kienet bdiet tintiseġ nisġa ta’ ħmieġ. L-ikbar gidba tas-suppost road map, saħaq Toni Bezzina, kienet li ‘Tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna’. Toni Bezzina tkellem dwar il-martirju li għaddejjin minnu l-ħaddiema u rrefera għal każ ta’ ħaddiema Laburista li taħt dan il-Gvern stess qalgħet 8 transfers. Toni Bezzina saħaq li jekk ikun fil-gvern, il-Partit Nazzjonalista mhux se jagħlaq għajnejh għal dawn l-inġustizzji.

David Agius tkellem dwar il-ħidma tiegħu fi ħdan il-Kunsilli Lokali u qal li fi żmien qasir se jkun ippreżentat rapport lill-Kap tal-PN dwar kif għandhom jissaħħu l-Kunsilli Lokali f’pajjiżna. Tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-MŻPN u l-isport u qal li fil-bidu ta’ Lulju se jsiru numru ta’ attivitajiet fid-Dar Ċentrali li se jkunu l-ewwel pass għat-tfassil tal-politika tal-PN għall-isport. Bħala Whip tal-Oppożizzjoni saħaq li l-Grupp Parlamentari hu wieħed magħqud wara l-Kap Simon Busuttil. Qal li flimkien ma’ Mario Galea se jkun qed jindirizza konferenza li fiha se jxejjen id-dikjarazzjonijiet li għamel il-Prim Ministru iktar kmieni din il-ġimgħa f’Londra.

Robert Cutajar qal li l-Gvern qed juri nuqqas ta’ rispett lejn dawk il-faxex li huma l-aktar vulnerabbli. Il-Gvern tilef kull sens ta’ prijorità. Hu saħaq ukoll fuq id-dmir tal-unions li ma jarawx biss li jkun hemm titjib fil-pagi tal-ħaddiema iżda jiddefendu wkoll id-dinjità tagħhom fil-post tax-xogħol. Appella wkoll lill-Gvern biex ma jkomplix iżomm il-liġi dwar il-ħarsien tat-tfal milli tkompli tkun diskussa fil-Parlament.

Ċensu Galea qal li fil-25 sena li l-PN għamel fil-gvern wara 16-il sena ta’ tmexxija Laburista, bidel lill-pajjiż mhux biss fl-infrastruttura imma anke fil-mod kif taħseb u taġixxi s-soċjetà. Dan it-tibdil wassal għat-telfa tal-PN fl-aħħar elezzjoni. Kienu x’kienu r-raġunijiet għal dan, ħafna mir-raġunijiet spiċċaw rashom ’l isfel. Sfida li għandu l-PN illum, kompla Ċensu Galea, hi li jwassal il-messaġġ tiegħu li jwettaq politika onesta.

Ryan Callus qal li mhux biżżejjed li l-PN jgħid li hu lest iwettaq politika onesta. Illum hu ovvju li pajjiżna għandu Prim Ministru li ma jafx jistħi. Imur Londra jgħid li jrid jiġġieled il-korruzzjoni filwaqt li jinjora dak li qed iseħħ madwaru f’pajjiżna. Mhux biżżejjed għall-PN li juri l-iżbalji tal-Gvern iżda jrid jassigura li fil-gvern ikun lest jagħmel ġustizzja ma’ min illum qed ibati.

Karol Aquilina appella biex id-diskorsi bejn ideat differenti jkunu espressi b’lingwaġġ li jixraq. Qal ukoll li minbarra drittijiet bażiċi, hemm drittijiet oħra. Dawn huma d-dritt li min imexxi jwettaq dak li wiegħed, li t-taxxi jitħallsu għall-ġid komuni, li l-Gvern jitmexxa b’serjetà . Il-Partit Nazzjonalista għandu l-aqwa għodda biex iwettaq politika nadifa b’fiduċja u serjetà.

Kristy Debono qalet li filwaqt li l-PN qed jiġbed lejh aktar nies, għad fadal ħafna ħidma ta’ konvinzjoni x’jagħmel. Filwaqt li jirrikonoxxi l-iżbalji tal-passat u jitlob skuża għalihom, il-PN irid juri li tgħallem mill-passat. Minkejja dan, il-PN jibqa’ dejjem il-partit ta’ kulħadd kburi bil-passat u anke fil-preżent għaliex kien u jibqa’ dejjem hemm biex jiddefendi l-interess tal-poplu kollu. Dan jagħmlu bit-twettiq ta’ politika verament onesta.

Claudette Buttigieg qalet li mhux kulħadd jifhem il-kunċett ta’ politika onesta. Hemm politika onesta li twettaq dak li temmen fih li hi differenti mill-politika fejn tlieta min-nies jaraw kif jaħtfu dak li jistgħu. Illum naraw lil Joseph Muscat jirkeb mhux biss fuq il-ġid li l-PN ħoloq qabel l-elezzjoni imma anke fuq l-iżbalji li twettqu. Il-Prim Ministru jaħseb li l-poplu se jinsa l-ħmieġ li għaddej taħtu llum. Politika onesta tista’ titwettaq jekk wieħed jemmen fiha.

Tonio Fenech qal li l-Prim Ministru jrid jgħatti l-ħmieġ tiegħu billi jitfa’ dak il-ħmieġ fuq ħaddieħor. Fil-konfront tiegħu u uffiċjali oħra tal-PN, Joseph Muscat qed jitfa’ sensiela ta’ gideb filwaqt li akkost ta’ kollox qed jiddefendi skandli li qed isiru. Filwaqt li jakkuża lil ħaddieħor li jevadi t-taxxi, Joseph Muscat hu eżentat milli jħallas taxxa fuq is-€7,000 fis-sena li qed jieħu biex juża l-karozza tiegħu stess.

Francis Zammit Dimech qal li dak li qed jeċċella fih il-Gvern preżenti minbarra akkużi b’gideb kontra l-PN hu dizzjunarju li juri kollox bil-maqlub ta’ dak li jgħid. Malta tagħna lkoll tfisser tagħhom biss. Trasparenza tfisser kuntratti fil-moħbi. F’Londra qal li jrid jiġġieled il-korruzzjoni internazzjonali meta mhux jiġġieled il-korruzzjoni lokali. Jekk irid jiġġieled il-korruzzjoni, Joseph Muscat għandu jibda jagħmel dan mix-xibka ta’ madwaru f’Kastilja.

Ann Fenech qalet li grazzi għall-entużjażmu li qanqal il-Kap Simon Busuttil, il-PN qed jissaħħaħ u kiseb il-fiduċja tal-istituzzjonijiet finanzjarji kollha. Dan wassal biex l-iskema taċ-ċedoli qed tikseb suċċess u issa se tkun estiża anke għal min irid jislef somom inqas. Għal din l-iskema, il-PN jista’ jagħmel tajjeb bi proprjetà li għandu, grazzi għall-għaqal ta’ missirijietna u mhux bi proprjetà meħuda lill-poplu kif jagħmel il-Partit Laburista.

Roberta Metsola qalet li Joseph Muscat kien iddefinixxa l-moralità fiskali billi wieħed iħallas it-taxxa kollha dovuta. Illum Joseph Muscat ma jħallasx taxxa fuq l-allowance li għandu fuq il-karozza tiegħu stess. Joseph Muscat ma kibirx fil-poter imma kiber fl-arroganza u tilef l-awtorità morali tiegħu. Mexxej tajjeb mhuwiex min jiddetta iżda min għandu sens għaqli ta’ tmexxija, kif qed juri Simon Busuttil.