L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) qalet li n-numru tar-refuġjati u nies mingħajr akkommodazzjoni fissa fil-Libja, issa, qabeż l-417,000, b’riżultat ta’ tliet inċidenzi ta’ taqlib tal-massa, fil-pajjiż, mill-2011 ’l hawn.
Ir-rapport ippubblikat qal li l-agħar riperkussjonijiet tat-taqlib, fir-rigward tar-refuġjati, seħħew f’nofs l-2014. L-Organizzazzjoni, issa, issostni li hemm aktar minnn 234,000 ‘barranin’ fost ir-refuġjati fil-Libja li qegħdin jiffaċċjaw id-diskriminazzjoni. Dawn in-nies anki spiċċaw vulnerabbli għall-elementi li qegħdin jippruvaw jisfruttawhom.
Ir-rapport jikkwota osservatur speċjali fil-Libja li jispeċjalizza ‘fis-sistema tal-movimenti tar-refugjati u persuni li qed ifittxu kenn politiku’ fil-pajjiż partikolari.
L-osservatur qal li kważi 35 fil-mija tar-refuġjati fil-Libja kienu jgħixu ġo residenzi privati waqt li l-oħrajn kienu jsibu refuġju f’residenzi temporanji, inkella ‘qalb is-swieq, l-istazzjonijiet tat-trasport u proġetti ta’ housing li ma tlestewx’.
Hu wkoll innutat li 47 fil-mija tar-refuġjati fil-Libja ġejjin minn Bengażi waqt li ħafna oħrajn ġejjin ukoll minn Sirte u minn Tripli. Numru konsiderevoli ta’ eksresidenti ta’ Sirte ħarbu mill-belt, fl-aħħar jiem, lejn l-ibnadi ta’ Bani Walid u Tarhouna, b’konsegwenza tal-ġlied kontinwu fiz-zona ‘tagħhom’ fejn inqerditilhom il-proprjetà.
//= $special ?>