L-arrest f’Durban, fl-1962, tal-eks-President tal-Afrika t’Isfel, Nelson Mandela, kien dovut għal informazzjoni sigrieta mingħand aġent tas-Central Intelligence Agency (CIA) tal-Istati Uniti.
Dan ħareġ minn rapport li deher fis-Sunday Times ta’ Londra u li jibbaża fuq intervista li kienet saret mal-eksaġent tas-CIA, Donald Rickard, qabel mewtu.
Mandela kien skonta 27 sena priġunerija, fl-Afrika t’Isfel, talli rreżista l-amministrazzjoni ta’ pajjiżu mill-minoranza tal-bojod waqt l-era tal-apartheid. Hu kien inħeles mill-ħabs fl-1990 u, sussegwentement, kien elett bħala l-ewwel President iswed tal-Afrika t’Isfel.
L-osservaturi jemmnu li l-intervista partikolari x’aktarx li tikkonferma suspetti antiki li Mandela kien qed ikun segwit mis-CIA.
Fl-istess ħin, ir-rapport mistenni jitfa’ pressjoni fuq is-CIA biex tiżvela dokumenti dwar l-involviment tal-aġenzija fl-arrest ta’ Nelson Mandela, kif ukoll dar ‘l-appoġġ mill-aġenzija għall-Gvern (Afrikan) tal-apartheid preċedenti’. Is-CIA, sallum, irreżistiet is-sejħiet biex ċerta informazzjoni tkun ippubblikata.
Donald Rickard, li miet aktar kmieni din is-sena, qatt ma kien assoċjat formalment mas-CIA iżda hu kien jaħdem bħala diplomatiku fl-Afrika t’Isfel, qabel irtira mis-servizz fis-snin sebgħin.
//= $special ?>