Minkejja li ddikjara telf ta’ iktar minn €400,000 mill-kumpanija tiegħu f’Malta, il-kap tal-uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ittrasferixxa tliet kwarti ta’ miljun ewro fil-kumpanija moħbija li għandu fil-British Virgin Islands.
Fl-aħħar jiem Schembri nqabad li minbarra l-kumpanija fil-Panama, għandu wkoll strutturi finanzjarji moħbija fil-British Virgin Islands u Ġibilta’.
Dawn il-pajjiżi lkoll huma meqjusa bħala ġurisdizzjonijiet li joffru segretezza u ħabi, fil-maġġoranza tal-każi użati għall-ħabi ta’ flus għal skopijiet ta’ evażjoni tat-taxxa inkella biex wieħed ma jkunx jaf li ġew minn attivitajiet illegali.
Din l-informazzjoni ġdida kienet żvelata minn The Malta independent on Sunday, li bħal The Times of Malta, issa ġw rikonoxxuti bħala sħab tal-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi.
Ir-rapport jgħid li s’issa mhux magħruf kemm hemm flus b’kollox f’din il-kumpanija, għalkemm hu maħsub li l-ammont hu ikbar hekk kif il-kumpanija twaqqfet tliet snin qabel dan it-trasferiment tal-fondi.
Minn aspett legali, il-manuvri ta’ Keith Schembri kienu deskritti bħala dubjużi ħafna, u fuq kollox nieqsa minn kull etika, minn professjonisti li tkellmu mal-gazzetta The Malta Independent on Sunday.
Dawn il-manuvri intensifikaw meta xahrejn biss qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, Keith Schembri ħoloq diversi livelli ta’ segretezza. Dan fl-istess żmien li hu kien jokkupa kariga importanti fil-Partit Laburista.
//= $special ?>

