Lokali Mużika

L-Ukrajna tirbaħ il-Eurovision 2016, Malta tikklassifika fit-12 il-post

Bid-diska 1944 il-kantanta Jamala mill-Ukrajna rebħet il-61 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li sar fil-kapitali Żvediża ta’ Stokkolma. Id-diska tal-Ukrajna kellha bħala t-tema tagħha l-istorja tal-Ukrajna u kisbet 534 punt. Għal ħin twil fuq quddiem nett fil-votazzjoni kien hemm l-Awstralja fejn bil-vot tal-ġurijiet biss din ġiet fl-ewwel post iżda mbgħad niżlet għat-tieni post meta ġew nklużi l-voti tat-televoting. Ir-Russja minn naħa l-oħra filwaqt li kienet l-aktar diska popolari bit-televoting kienet inqas popolari mal-ġurijiet u eventwalment klassifikat fit-tielet post.

Malta rappreżentata b’wirja mill-aqwa u l-aktar spettakolari ta’ Ira Losco bil-kanzunetta Walk on Water spiċċat fit-12 il-post b’153 punt. Dan wara li bil-vot tal-ġurija spiċċat fir-4 post b’24 pajjiż jgħatu punteġġ lil Malta iżda mbgħad sfortunatament ma’ gawdietx l-istess popolarita’ fit-televoting sabiex b’hekk niżlet għat-12 il-post minkejja l-wirja mill-aqwa. Fil-fatt fit-televoting Malta kisbet punteġġ minn 3 pajjiżi biss, 5 punti mill-Armenja u l-Ażerbajġan u 6 punti mill-Awstralja.

Fil-kaz ta’ Malta it-televoting Malti vvota b’dan il-mod:

Punt: Ir-Renju Unit
2 Punti: Franza
3 Punti: L-Olanda
4 Punti: L-Ukrajna (Ir-rebbieħa tal-Eurovision 2016)
5 Punti: L-Ungerija
6 Punti: L-Ażerbajġan
7 Punti: L-Italja
8 Punti: Il-Bulgarija
10 Punti: Russja
12-il Punt: L-Awstralja

Dan filwaqt li l-ġurija Maltija vvotat hekk:

Punt: L-Iżrael
2 Punti: Spanja
3 Punti: L-Awstralja
4 Punti: Ir-Russja
5 Punti: Ċipru
6 Punti: Franza
7 Punti: L-Armenja
8 Punti: L-Italja
10 Punti: Il-Bulgarija
12-il Punt: Ir-Renju Unit

Din is-sena ntużat sistema ġdida ta’ kif jitħabbru r-riżultati bil-voti tal-ġurijiet nazzjonali u tat-televoting jitħabbru separatament għalkemm bħal snin passati dawn it-tnejn kellhom piż ta’ 50% tal-vot kull wieħed.

Intant waqt is-serata tal-bieraħ is-sehem ta’ Malta kien doppju hekk kif waqt il-ħin tal-votazzjoni kienet intervistata r-rebbieħa tal-Junior Eurovision Song Contest Destiny li appellat lin-nies sabiex jiġu Malta. Spikka wkoll is-sehem tal-kantant popolari Amerikan Justin Timberlake f’serata li kienet qegħda tintwera mhux  biss madwar l-Ewropa iżda fl-Awstralja, fiċ-Ċina u fl-Istati Uniti wkoll.

ukrajna