Internazzjonali

Rekluti tal-pulizija maqtula mill-ISIS fil-Jemen

L-ISIS ħa responsabbiltà għal attakk suwiċida fil-Jemen li qatel almenu 25 persuna, fil-parti kbira rekluti tal-pulizija. L-attakk seħħ fil-belt tal-port ta’ Mukalla, lejn in-nofsinar tal-pajjiż.

Uffiċjali f’dik il-belt qalu li l-aggressur responsabbli tajjar l-isplussivi li kellu barra bażi tal-pulizija fl-inħawi, fejn fost il-vittmi kien hemm ħafna rekluti li, dak il-ħin, kienu qed jiffurmaw kju viċin il-bini.L-aħħar rapporti qalu li l-isptarijiet f’Mukalla kienu qed jitrattaw numru sostanzjali ta’ midruba fl-attakk suwiċida.

Koalizzjoni militari, immexxija mill-Arabja Sawdija, li qed tattakka ribelli fil-Jemen, ix-xahar li għadda kienet sfurzat lill-grupp Al-Qaeda fil-Penisola Arbija ‘il barra mill-inħawi ta’ Mukalla.

Għaldaqstant, l-isplużjoni barra l-bażi tal-pulizija qed tissemma bħala t-tieni attakk ta’ dan it-tip mill-ISIS, f’Mukalla, mindu l-militanti tal-Al-Qaeda rtiraw mill-belt partikolari. L-ISIS, jiem ilu, kien anki assuma responsabbiltà għal attakk b’karozza-bomba fil-konfront ta’ suldati tal-Jemen.

Il-belt tal-port speċifika, fejn jgħixu mal-500,000 resident, kienet ilha ‘il fuq minn sena kkontrollata mill-Al-Qaeda fil-Penisola Arbija li l-militanti tiegħu ħadu vantaġġ mill-gwerra ċivili tal-Jemen biex jaħtfu territorji, armamenti u flus.

Il-konflitt fil-Jemen ħalla maż-żewġ miljun refuġjati mill-2011 ’il hawn.