Lokali

It-tanker tal-gass se jasal Malta fix-xhur li ġejjin

Filwaqt li ħabbar li din il-ġimgħa beda x-xogħol biex l-impjant tal-BWSC li nbiegħ liċ-Ċiniżi jinqaleb għall-gass, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li t-tanker tal-gass – li jintuża għall-provvista tal-istess gass – se jasal Malta fix-xhur li ġejjin. Waqt li kien qed jindirizza attivita’ politika f’Ħaż-Żabbar, Muscat ma semma xejn dwar il-power station li qed jinbena.

Dan ifisser li għal darb’oħra, il-Gvern ma’ żammx maż-żmien li ta hu stess għat-tlestija tal-proġett tal-power station. Wara li falla l-ewwel deadline ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-power station sa titlesta ġimgħatejn oħra. Jidher ukoll li fi kliem Joseph Muscat stess, anki din id-data ġdida mhux se tinżamm.

Waqt l-attivita’ politika, Muscat qal li l-Gvern tiegħu hu aqwa minn ta’ qablu f’kollox, f’oqsma bħas-saħħa, il-fondi Ewropej u t-trasport pubbliku

Hu tkellem ukoll dwar is-summit kontra l-korruzzjoni li attenda għalih f’Londra. Muscat qal li mar hemm b’wiċċu minn quddiem għaliex m’għandux minn xiex jistħi u li hu ħa d-deċiżjonijiet fil-konfront ta’ min żbalja.

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien qed jispjega lill-poplu Malti u Għawdxi kif b’politika onesta jgawdi kulħadd, Joseph Muscat kompla għaddej bil-kampanja aggressiva tiegħu mibnija fuq il-gideb.

L-attakk iddisprat fuq l-Oppożizzjoni jkompli jikkonferma kemm Joseph Muscat huwa maqtugħ mir-realtà tal-familji Maltin u Għawdxin, u li kapaċi biss biex jigdeb, kif kompla jgħamel din il-ġimgħa f’Londra kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista. Flok jitkellem dwar l-aħħar żviluppi b’rabta maċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, kif żvelat f’The Malta Independent on Sunday u The Sunday Times, Muscat kompla jgħaddas rasu fir-ramel u jinjora l-fatti.

Dwar il-qalba tal-Power Station tal-BWSC għall-gass, il-Partit Nazzjonalista fakkar li anke f’dan il-proċess, Joseph Muscat inqabad jigdeb. Muscat kien wiegħed li jaqleb il-Power Station għall-gass l-għada li jirbaħ l-elezzjoni, xi ħaġa li dwarha fl-aħħar tliet snin ma għamel xejn spjega l-Partit Nazzjonalista.

Muscat tilef kull kredibilità, għax flok jieħu deċiżjoni, jiddefendi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.