Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tinsisti mal-Ispeaker biex jitneħħa mill-bini tal-Parlament il-Maġġur li attakka b’kitba membri tal-Oppożizzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lill-President tal-Kamra Anġlu Farrugia jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija ma jħalliex aktar fil-Parlament lil Maġġur tal-Pulizija li attakka fuq Facebook membri tal-Oppożizzjoni għaliex mhix tħossha protetta bil-preżenza tiegħu fil-bini tal-Parlament.

Simon Busuttil irrimarka mal-Ispeaker biex ma jħalliex lill-Oppożizzjoni tasal biex tiddeċiedi jekk tidħolx fil-bini tal-Parlament jew le minħabba li titħalla din il-persuna bħala membru tas-sigurtà fil-bini tal-Parlament, u li l-Oppożizzjoni m’għandhiex fiduċja fih.

Maggur- Facebook

Iddikjara li din it-talba, l-Oppożizzjoni għamlitha diġà lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija u issa qed titlob lill-President tal-Kamra biex jitlob lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija biex jassenja xogħol ieħor lill-Maġġur Eugenio Caruana li m’attakkax biss lil membri tal-Oppożizzjoni, fosthom lil Claudette Buttigieg u Beppe Fenech Adami, iżda wkoll lill-Arċisqof fuq il-midja soċjali.

Filwaqt li rrifera għall-istorja pubblikata lbieraħ fil-mument dwar kitba u kummenti li għadda dan il-Maġġur tal-Pulizija fil-midja soċjali, Simon Busuttil talab lill-Ispeaker biex jagħti ruling fuq din it-talba tal-Oppożizzjoni.

Appella wkoll lill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti jiddefendi u juri lealtà l-ewwel lill-membri tal-Kamra li huma r-rappreżentanti tal-poplu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel din it-talba għal ruling mill-Ispeaker, immedjatament wara li s-Sedja kienet għadha kemm irrimarkat u għamlet l-osservazzjonijiet tagħha dwar artiklu li kitbet u li ġie ppubblikat f’The Malta Independent dwar ir-ruling li tat is-Sedja b’rabta mat-talba li ressqet l-Oppożizzjoni biex il-Maġġur tal-Pulizija ma jibqax assenjat fil-bini tal-Parlament, f’liema ruling l-Ispeaker kien irrimarka li ma jistax jindaħal fix-xogħol tal-Kummissarju u li s-Sedja kienet se tassigura li kull membru tas-sigurtà jagħmel xogħlu u jimxi b’rispett u lealtà mal-membri tal-Kamra.

Fl-osservazzjonijiet tiegħu fil-bidu tas-seduta tal-lejla, l-Ispeaker Anġlu Farrugia rrimarka li kull membru tal-Kamra għandu juża r-regolamenti tal-Kamra biex jikkontesta ruling li jingħata mis-Sedja, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jwieġeb li kull membru tal-Kamra għandu dritt jesprimi opinjoni.

B’rabta mal-kwistjoni tal-Maġġur Caruana, Simon Busuttil saħaq mill-ġdid li l-Oppożizzjoni mhix tħossa protetta bil-preżenza ta’ dan il-membru tas-sigurtà fil-Parlamrent u li l-Ispeaker għandu jieħu passi biex jipproteġi l-ewwel lill-membri kollha tal-Kamra, u issa jagħti ruling għal din l-aħħar talba tal-Oppożizzjoni dwar il-preżenza ta’ dan il-membru tas-sigurtà fil-bini tal-Parlament.