Editorjal

EDITORJAL: Messaġġ mill-Eurovision

Fil-Eurovision nhar is-Sibt li għadda żgur li ħadd ma seta’ jkun diżappuntat bil-wirja qawwija ta’ Ira Losco li għamlet ġieħ lilha nnifisha u lil Malta u verament irrappreżentatna lkoll u rrappreżentatna tajjeb ħafna.

Kuntrast mal-2002
Imma t-tama li nbniet fil-ġranet ta’ qabel li Malta kellha tiġi fost ta’ quddiem nett u setgħet anke tirbaħ il-Eurovision sfumat fix-xejn bir-riżultat tat-12-il post li lanqas jibda mat-tieni post li Ira Losco stess kienet kisbet għal Malta 14-il sena ilu.

Riżultat Malti enormement żbilanċjat
Dak li jdarras kien li l-punti li ksibna kienu żbilanċjat għalkollox meta, minn 153 punt, 90% ġew mill-ġurijiet waqt li l-pubbliċi f’tant pajjiżi – 25 – ma vvutawlna xejn ħlief għal tlieta – u punti mezzani: 6 u 5 – mill-Awstralja, l-Ażerbajġan u l-Armenja.

Tirbaħ il-kanzunetta ta’ Jamala ‘bil-qalb’
Minn dawn in-numri joħorġu tagħlimiet, imma mill-Eurovision ħareġ messaġġ kbir fil-kanzunetta rebbieħa, dik tal-Ukrajna. Il-kanzunetta bl-isem ‘1944’ hi kanzunetta sempliċi – melankolika anke – bla koreografija, mill-kantanta Jamala li kienet liebsa libsa sempliċi imma li rebħet għax kellha kanzunetta miktuba u kantata bil-qalb.

Ispirazzjoni mit-tindif etniku tal-Krimea
L-ispirazzjoni Jamala ħaditha mingħand bużnannita li fl-1944 ġiet deportata mill-Krimea għall-Asja Ċentrali b’ordni tad-dittatur Sovjetiku Jozef Stalin mal-minoranza Tatara kollha – 250,000 ruħ – waqt li bużnannuha, ‘k jogħġbok, kien qed jiġġieled għall-Unjoni Sovjetika fil-gwerra.

Tindif etniku, possibilment ġenoċidju
F’dan it-tindif etniku li ħafna jqisuh bħala ġenoċidju, lil bużannitha ħaduha bħal ħafna Tatari oħrajn ġo vagun tal-annimali u agħar mill-annimali għax la kellhom ikel, la ilma u lanqas arja. Ħafna mit-Tatari deportati kienu mietu: l-istima titla’ anke sa 100,000 mewt.

‘Biex nirrispettaw lil ħaddieħor, l-ewwel irridu nirrispettaw lilna nfusna’
F’intervista qabel il-Eurovision, Jamala stqarret li l-futur ġdid Ewropew irridu noħolquh billi nirrispettaw lil ħaddieħor. Imma biex nirrispettaw lil kulħadd, irridu l-ewwel nirrispettaw lilna nfusna, id-dinjità tagħna, il-kultura tagħna, dak li aħna; mhux b’xi sens ta’ superjorità jew xoviniżmu, imma b’rispett indaqs.

Ir-Russja tipprova ‘tixtri’ l-Eurovision
Dan il-messaġġ mill-qalb tal-kantanta rebbieħa fil-Eurovision ħadha kontra l-ambizzjoni tar-Russja li tirbaħ. Ir-Russja nefqet flejjes kbar fuq kanzunetta stravaganti biex il-President awtokratiku Vladimir Putin juri lir-Russja bħala xi pajjiż ta’ suċċess flok dak li qed jagħmilha hu: pajjiż dejjem aktar korrott immexxi b’mod intolleranti li ma jaċċetta l-ebda kritika – il-maqlub tal-valuri Ewropej.

‘Nistgħu nibnu ġejjieni li fih in-nies ikunu ħielsa’
Imma rebħet Jamala mill-Ukrajna li wasslet messaġġ importanti, f’partijiet bil-lingwa tat-Tatari. Il-lirika tal-kanzunetta tindirizza lil dawk li l-poter jitlagħlhom għal rashom u ċċanfarhom: ‘Taħsbu li intom allat, imma kulħadd imut.’ Madankollu l-lirika tibqa’ ottimista: ‘Nistgħu nibnu ġejjieni li fih in-nies ikunu ħielsa jgħixu u jħobbu fl-isbaħ żmien.’

Il-fatt li rebaħ dan il-messaġġ qawwi mlibbes biss bis-sempliċità juri li l-appell bil-qalb għal dak li hu sewwa jirbaħ fuq il-flus u dak li mingħalihom jistgħu jixtru.