Lokali

Il-ġid komuni għandu jiġi mħares fil-proġett tal-ITS – il-PN

Wara dak żvelat ilbieraħ minn The Sunday Times of Malta, dwar l-iżvilupp propost fejn illum hi l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jippubblika tagħrif sħiħ dwar x’qed jiġri u x’se jagħmel, filwaqt li jiżgura li f’dak li jagħmel ikun qed iħares il-ġid komuni.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, fejn esprima li hu favur żvilupp li jsaħħaħ il-potenzjal turistiku u ekonomiku taż-żona. Madankollu, minn dak żvelat, jidher li dan l-iżvilupp se jkun qed jinkorpora l-kosta fil-viċinanzi, kif ukoll li hemm diskrepanzi kbar bejn il-valur attwali tal-art u l-prezz miftiehem mal-Gvern għall-akkwist tal-art.

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Gvern biex jassigura lill-pubbliku, qabel xejn, li l-kosta se tibqa’ aċċessibbli u għall-użu pubbliku mingħajr kundizzjonijiet u mingħajr ostakli. Dan anke fid-dawl tal-Liġi ġdida proposta mill-Oppożizzjoni u li għadha kif għaddiet mill-Parlament dwar il-propjetà li għandha tibqa’ ta’ natura pubblika.

Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista insista wkoll li l-prezz miftiehem mal-Gvern għal din l-art għandu jirrifletti l-valur reali, għalkemm skont dak irrappurtat, f’dan il-każ mhix qed issir. Dan hu punt kruċjali biex jiġi assigurat li l-interess pubbliku jiġi mħares, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.