Id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia ressqet fil-Parlament mozzjoni kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u biex il-Kamra tiċċensura l-aġir tal-istess Keith Schembri, il-persuna ta’ fiduċja tal-Prim Ministru.
Fil-mozzjoni tagħha li ppreżentat lill-Iskrivan tal-Kamra, Marlene Farrugia ddikjarat li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, uffiċal pubbliku mħallas minn fondi pubbliċi, spiċċa fil-qalba ta’ allegazzjonijiet dokumentati serjissimi u bla ebda preċedent f’dawn l-aħħar ġimgħat.
Meta wieħed iqis il-kariga li hu jokkupa, l-istess allegazzjonijiet spiċċaw jimminaw kemm l-interess nazzjonali kif ukoll il-fiduċja murija fil-Gvern tal-ġurnata.
Marlene Farrugia saħqet li temmen li hu fl-interess nazzjonali, minbarra tat-trasparenza u l-kontabbiltà bażika mistennija mill-aktar persuna viċin il-Prim Ministru, li l-Parlament jiddiskuti fid-dettal dawn l-allegazzjonijiet b’mod li jinstemgħu xhieda u jinġiebu provi, inkluż l-istess Chief of Staff tal-Prim Ministru u kull xhud li l-Parlament jidhirlu li għandu jressaq.
Insistiet ukoll fil-mozzjoni ta’ sfiduċja, li l-Kamra taħtar Kumitat Parlamentari adhoc bl-istess setgħat tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, u li jkun magħmul minn seba’ membri tal-Kamra, erbgħa mill-Oppożizzjoni u tlieta mill-Gvern, bil-President tal-Kumitat ikun membru tal-Oppożizzjoni biex dlonk jibda jisma’ u jikkonkludi fi żmien massimu ta’ xahrejn, kull xhud u kull prova meqjusa neċessarja, inkluż lill-istess Chief of Staff tal-Prim Ministru. Dan biex ikun imħares l-interess nazzjonali u l-interess pubbliku fid-dawl ta’ dawn l-akkużi u allegazzjonijiet dokumentati.
Marlene Farrugia kompliet tisħaq li wara li l-Kumitat Parlamentari adhoc ikun lesta xogħlu, il-Kamra tiċċensura l-aġir ta’ Keith Schembri, Chief of Staff ta’ fiduċja tal-Prim Ministru.
Talbet ukoll lill-Prim Ministru biex jesiġi r-riżenja tal-istess Keith Schembri b’mod immedjat.
Il-mozzjoni kontra Keith Schembri kienet it-tieni mozzjoni li ressqet fil-Parlament l-eks-Deputat Laburista Marlene Farrugia wara li x-xahar li għadda ressqet mozzjoni ta’ sfiduċja kontra l-Ministru Konrad Mizzi, li bħal Keith Schembri nqabdu bil-kontijiet u kumpaniji sigrieti fil-Panama u kienu t-tnejn fil-lista ta’ persuni politiċi u importanti li kienu żvelati mill-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi li żvelaw l-iskandlu tal-Panama Papers – meqjus bħala l-akbar skandlu internazzjonali li qatt rat id-dinja.
Marlene Farrugia rriżenjat mill-Grupp Parlamentari Laburista fil-gvern ta’ Muscat, u mill-Partit Laburista, f’Novembru li għadda.
Fil-ġimgħat li għadddew l-Oppożizzjoni wkoll ressqet mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Muscat wara li l-Prim Ministru Muscat naqas li jieħu passi biex ineħħi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri wara l-iskandlu internazzjonali li kixef lil Ministru ewlieni tal-Gvern, u l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja b’aġir li sab il-kundanna tas-soċjetà ċivili kollha.