24 siegħa wara li ġew żvelati dettalji ġodda dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, Joseph Muscat għażel is-silenzju u ma lissen l-ebda kelma dwar l-istess persuna li sal-Ġimgħa li għadda stess, qal li għandu l-fiduċja tiegħu.
Hekk qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, wara li lbieraħ, il-gazzetti The Sunday Times of Malta u The Malta Independent on Sunday żvelaw dettalji ġodda li jkomplu jippuntaw is-swaba’ lejn iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
The Sunday Times of Malta żvelat li Keith Schembri, flimkien ma’ Konrad Mizzi, għamlu minn kollox biex jevitaw milli jinformaw lill-banek lokali li kienu qed jiftħu ‘trusts’ fi New Zealand, li kienu abbinati mal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Dawn il-fatti ġodda jgiddbu dak li kienu jgħidu Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, jiġifieri li dejjem kellhom f’moħħhom li jiddikjaraw l-istrutturi finanzjarji tagħhom.
Min-naħa l-oħra, The Malta Independent on Sunday żvelat li fl-2014 ġew trasferiti $750,000 fil-kumpanija ta’ Keith Schembri fil-British Virgin Islands.
Il-Partit Nazzjonalista qal li dwar dan kollu, l-Prim Ministru ma qal xejn. L-aħħar kliem tiegħu dwar Keith Schembri kienu li għandu l-fiduċja assoluta tiegħu. Fid-dawl tal-aħħar żviluppi b’rabta ma’ dan l-iskandlu, il-Partit Nazzjonalista staqsa jekk Muscat għadx għandu fiduċja f’Keith Schembri jew jekk hux se jneħħieh b’mod immedjat.
//= $special ?>