Il-Kulleġġ San Benedittu Ħal Kirkop ħa sehem u rebaħ il-kompetizzjoni ‘L’Italia: Lingua e Musica’ taħt il-patroċinju tal-Ambaxxata Taljana u b’kollaborazzjoni mal-Fakulta’ tal-Edukazzjoni tal-Universita’ ta’ Malta, mad-Dipartiment tat-Taljan fi ħdan id-Dipartiment tal-Curriculum Management u l-Istituto Italiano di Cultura.
Grupp ta’ studenti ħadu parti fir-reċta ‘La musica nel cuore: un viaggio in cerca d’amore’ fejn urew talenti fid-drama, kant u żfin. L-istorja kienet ispirata min-novella ‘Romeo u Ġuljetta’ ta’ Shakespeare. Romeo, student Taljan, jiltaqa’ l-ewwel darba ma’ Ġulja waqt student exchange ġewwa Verona.
Romeo jipprova jagħmel kuntatt magħha imma ma jirnexxilux isib il-kliem u l-kuraġġ. B’hekk jiddeċiedi li jibda vjaġġ tul l-Italja sabiex isib il-maħbuba tiegħu. Giulia wkoll titlaq minn Malta lejn l-Italja għaliex anke hi tixtieq tiltaqa’ mal-maħbub tagħha. Waqt li jżuru bliet bħal Napli u Ruma, jiltaqgħu ma’ bosta personaġġi li jkantaw kanzunetti Taljani.
Fl-aħħar Romeo u Ġulja jsibu lil xulxin u jkantaw il-kanzunetta “Finalmente Tu”. Ir-reċta tagħlaq b’sorpriża ħelwa għaliex Romeo jirċievi żewġ video messaġġi fuq il-mobile mingħand żewġ kantanti famużi Taljani li jibagħtu jsellu għall-istudenti tal-Kulleġġ. Dawn huma Max Pezzali eks-lijder tal-grupp 883 u Francesca Michielin li rrapreżentat lill-Italja fil-Eurovision Song Festival 2016!
Kienet esperjenza tassew sabiħa għall-istudenti, għaliex mhux biss ikklassifikaw l-ewwel f’din il-kompetizzjoni, iżda komplew jitgħallmu t-Taljan b’mod innovattiv permezz tal-mużika.