Lokali

Aġġornata: Jitlef il-kontroll tal-karozza u jispiċċa fl-air field tal-Ajruport

Żagħżugħ ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ sofra feriti gravi wara li baqa’ dieħel bil-karozza b’kollox fl-air field tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Il-każ seħħ dalgħodu, għall-ħabta tad-9am, meta ż-żagħżugħ tilef il-kontroll tal-karozza li kien qed isuq f’Ħal Farruġ, fit-triq biswit l-air field. Kien hawn li l-karozza, tat-tip Citroen C2, qaċċtet sitt arbli li jdawru l-parametru tal-Ajruport b’fence tal-ħadid.

Fil-post issejħu l-Pulizija u tim mediku b’Ambulanza, li taw l-ewwel għajnuna liż-żagħżugħ fil-post. Hu ttieħed l-Isptar għal aktar kura, fejn kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi.

Sadanittant, fil-post intbagħtu wkoll membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, li flimkien mal-Pulizija ċċirkondaw iż-żona bħala mezz ta’ sigurtà għall-Ajruport. Dan sakemm seta’ jsir ix-xogħol ħalli tinħareġ il-karozza u jissewwa l-fence.

Il-Pulizija għadhom qed jinvestigaw il-każ.