Is-Senatur ta’ Vermont, Bernie Sanders qed jittama li jaqta’ figura tajba fil-primarji tallum f’Kentucky u Oregon, meta għadu ma qatax qalbu li jirbaħ in-nomina tal-Partit Demokratiku biex, f’Novembru, jikkontesta kontra r-rivali tal-Partit Repubblikan għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
Iżda waqt li Sanders qed jistinka biex jibqa’ relevanti fit-tellieqa, hu kważi ċert li l-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan, Hillary Clinton – li qed tikkontesta kontra Sanders fiż-żewġ stati msemmija – se tirbaħ hi in-nomina tad-Demokratiċi li se tkun ikkonfermata f’Lulju. Dan meta Clinton qed tgawdi vantaġġ sostanzjali u sinifikanti fuq Sanders fejn jidħlu delegati tal-partit.
Clinton, sal-lum, rebħet 94 fil-mija tad-delegati tal-Partit Demokratiku li huma meħtieġa biex hi tikseb in-nominazzjoni (ekwivalenti, s’issa, għal total ta’ 24 stat kontra d-19 għal Sanders). Madankollu, l-isfidi bejn Clinton u Sanders f’Kentucky u Oregon mistennija jkunu missielta, skont l-aħħar stħarriġ nazzjonali.
Il-primarji tad-Demokratiċi f’Kentucky huma ekwivalenti għal 60 delegat li jridu jattendu l-Konvenzjoni tas-sajf tal-Partit, fil-belt ta’ Philadelphia, fejn jitħabbar in-nominat li jikkontesta għall-White House f’isem il-partit. Il-primarji ta’ Oregon, intant, huma ekwivalenti għal 74 delegat.
Ir-Repubblikani ukoll qed jivvotaw f’Oregon iżda t-tellieqa partikolari hi diġà meqjusa bħala ‘relattivament mitmuma’. Dan meta l-kandidat ewlieni tal-Partit Repubblikan, Donald Trump, jidher li għandu vantaġġ ‘insormontabbli’ fuq il-kandidati rivali l-oħrajn.
Hu minnu wkoll li żdiedet il-pressjoni fuq Sanders biex jirtira mit-tellieqa kontra Clinton meta d-Demokratiċi jinkwetaw li ‘l-preżenza determinata’ tiegħu qed tolqot ħażin il-potenzjal tal-partit ‘li jegħleb lil Trump’ fl-elezzjoni għall-White House.
//= $special ?>