Editorjal

EDITORJAL: B’politika nadifa jaqbillek int

Dan kien il-messaġġ essenzjali tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, f’diskors tajjeb ħafna li bih nhar il-Ħadd li għadda għalaq il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Politika Onesta’: b’politika nadifa, jaqbillek inti.

Tmexxija b’eżempju u bi sfida
F’diskors li fih Simon Busuttil reġa’ wera kemm qed jikber fil-viżjoni u fil-fiduċja, fakkar li kieku tliet snin ilu ħaseb għal rasu, ma kienx jidħol għall-isfida kbira li daħal għaliha meta sar Kap tal-Partit Nazzjonalista. Imma għażel it-tmexxija b’eżempju, għax jekk irid li aktar nies jagħtu sehem nadif u onest fil-politika, irid jidħol għall-isfida hu wkoll.

Kisbiet ta’ dawn it-tliet snin
U llum, il-Partit Nazzjonalista hu aktar miftuħ għan-nies b’ħafna aktar żgħażagħ u b’ħafna aktar nisa, qed jagħti tifsila ġdida lill-midja u lill-finanzi tiegħu biex ma jkun obbligat lejn ħadd, qed ikun Oppożizzjoni effettiva għax fil-Parlament qed jagħti leħen lin-nies flok leħen lill-poter, u qed ikun ukoll Gvern alternattiv hu u joħroġ b’policies ġodda f’numru ta’ oqsma importanti.

Appoġġ popolari ndaqs
Illum, il-Partit Nazzjonalista qiegħed f’sitwazzjoni li tliet snin ilu ħadd ma kien jaħseb li seta’ jkun fiha wara tliet snin biss: qiegħed fl-istess appoġġ popolari bejnu u l-Partit Laburista. Kif ħadd ma ħaseb tliet snin ilu li jkollna Gvern ta’ Joseph Muscat daqstant korrott, definittivament issa l-aktar Gvern korrott fl-istorja politika Maltija.

Gvern ġdid u differenti
U din hi l-isfida, spjega tajjeb Simon Busuttil. L-ekonomija Maltija mibnija mill-Partit Nazzjonalista – ibda mill-industriji ġodda u mill-flus mill-Ewropa – trid tirrendi għall-ħafna mhux għall-ftit kif qed tagħmel issa b’tal-qalba jaħtfu. Wara l-missjoni anke personali ta’ Simon Busuttil tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, issa jmiss l-indafa u l-onestà politika: li jkollna Gvern differenti minn gvernijiet tal-passat li jrid ikun definittivament differenti mill-Gvern altament korrott ta’ Joseph Muscat.

Tal-qalba jiffangaw waqt li l-pagi reali neżlin
Għax b’politika onesta tgawdi int, mhux min hu korrott. Dan hu l-messaġġ essenzjali ta’ ġustizzja soċjali – fairness – li jrid ikollna f’pajjiż modern. Ma jistax ikollna Prim Ministru kompliċi ma’ sħabu ta’ Kastilja. Ma jistax ikollna sħab Joseph Muscat jiftħu l-kontijiet biex ipoġġu fihom il-miljuni waqt li l-morda bil-kanċer jittallbu għand il-President. Irid ikollna istituzzjonijiet b’saħħithom li jinvestigawha l-korruzzjoni, mhux kif għamlet il-Pulizija f’dawn it-tliet snin. Ma jistax ikollna tal-qalba jiffangaw waqt li l-paga reali tal-ħaddiema nieżla għax iż-żidiet miżeri mhumiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.

Il-ħafna jħallsu għall-ftit tal-qalba
Dan hu min iħallas għall-korruzzjoni: dawk fl-akkomodazzjoni soċjali ogħla, il-ħaddiema bla dħul dinjituż, il-morda jittallbu, l-istudenti f’edukazzjoni bla kwalità, it-tfal f’ambjent li qed jinsterqilhom. Flok ekonomija għall-ħafna, hawn il-ħafna qed iħallsu għall-ftit tal-qalba, kif spjega tajjeb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Ftuħ, indafa, dawl
F’għeluq brillanti, Simon Busuttil fisser kif il-missjoni tiegħu hi pajjiż ta’ kwalità aħjar li jnaddaf is-sistema politika f’pajjiżna: ftuħ, indafa u dawl – il-metafori xempju għal missjoni essenzjali.