Il-Kamra tal-Kummerċ tesprimi t-tħassib tagħha dwar it-taxxa fuq it-turiżmu

Il-Kamra tal-Kummerċ tinsab imħassba li l-introduzzjoni b’mod immedjat tat-taxxa fuq it-turiżmu se tħalli impatt negattiv fuq it-turisti għalxejn, hekk kif in-nuqqas ta’ dħul li l-Gvern se jara jekk jipposponiha għal ftit żmien se jkun negliġenti. “Qed nirriskjaw li nibagħtu lit-turist lura lejn id-dar b’togħma morra, speċjalment dawk li jkunu ħallsu għal pakkett ta’ vaganza, mingħalihom ħallsu kollox iżda imbagħad jiskopru li jridu jħallsu taxxa ġdida,” stqarr il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Anton Borg.

It-thassib jinsab mhux biss fost dawk li joffru vjaġġi b’pakkett sħiħ, imma wkoll fost il-host families li jilqgġu f’darhom lill-barranin li jiġu f’Malta biex jistudjaw.

Minn dawn il-familji f’Malta hawn madwar 1,000, li diġa lanqas biss huma biżżejjed. Issa dawn se jibdew jintalbu jiġbru l-flus u jgħadduhom lill-Gvern permezz ta’ mekkaniżmu li l-anqas għadu ċar kif se jopera. Se jintalbu wkoll erba’ rapporti fis-sena, li huma dettaljati ħafna, u li probabilment se jkunu diffiċli wisq għal ħafna host families, partikolarment dawk li huma mdaħħla fl-eta.

Dan bir-riskju li l-ammont ta’ host families ikompli jonqos, sempliċiment biex il-Gvern idaħħal somma miżera ta’ €55,000. Ironikament, minkejja li t-taxxa tidħol fil-bidu ta’ Ġunju, għadu l-anqas ġie ppublikat l-avviż legali, filwaqt li l-ewwel laqgħa tal-kamra tal-kummerċ mal-Gvern saret ilbieraħ, fejn ġew preżentati numru ta’ proposti li bilkemm fadal żmien jigu kunsidrati.

Il-PN jerġa’ jinsisti li l-Gvern jikkonsulta mal-operaturi kollha fis-settur turistiku
Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg, il-Partit Nazzjonalista qal li l-pożizzjoni meħuda mill-Kamra tal-Kummerċ hi l-istess waħda li ħa l-Partit Nazzjonalista fil-ġimgħat li għaddew, b’appell lill-Gvern biex jisma’ lill-istakeholders kollha fis-settur u jifhem id-diffikultajiet li din it-taxxa se ġġib jekk tiddaħħal bl-għaġla.

Il-Partit Nazzjonalista reġa’ appella lill-Gvern biex qabel ma jkompli jwebbes rasu, jifhem aħjar xi mpatt se tħalli din it-taxxa fuq l-operaturi, filwaqt li jipposponi d-dħul ta’ din it-taxxa għal Novembru.