Il-potenzi tad-dinja u reġjonali li ltaqgħu illum, fi Vjenna, bdew taħditiet ġodda bil-ħsieb li jqabbdu l-proċess għall-paċi fis-Sirja fid-direzzjoni t-tajba. Huma intant qablu biex jirrinfurzaw il-ftehim fraġli tas-Sirja biex jaċċertaw li l-għajnuna tasal lill-komunitajiet Sirjani taħt assedju. Intant, il-Gvern u l-Oppożizzjoni tas-Sirja ma ħadux sehem fit-taħditiet fil-kapitali Awstrijaka.
Il-Ministru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, Frank Walter Steinmeier, qal li t-taħditiet riedu jistimolaw l-għajnuna umanitarja għas-Sirjani waqt li esprima diżappuntat li l-għajnuna għadha ma twasslitx liz-zoni kollha tas-Sirja. Hu, iżda, awgura li l-impennji mil-laqgħa ta’ Vjenna jixprunaw inizjattivi li jinkoraġġixxu lill-Oppożizzjoni Sirjana biex tibda mill-ġdid in-negozjati għal ftehim politiku bl-iskop li jintemm il-konflitt tas-Sirja.
L-Oppożizzjoni Sirjana, f’April, irtirat mill-aħħar round ta’ taħditiet bi protesta għaż-żieda ta’ vjolenza fis-Sirja u l-fatt li t-trasport tal-għajnuna kien qed jaħbat mal-intoppi.
Rapporti oħra qalu li r-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sirja, Staffan de Mistura, qed jittama li jiftaħ round ieħor ta’ negozjati, f’Ġinevra (fl-Iżvizzera), sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Mietu ’il fuq minn 250,000, bi ħdax-il miljun jispiċċaw jgħixu ta’ refuġjati, mindu, fl-2011, bdiet ir-rewwixta kontra l-President Sirjan Bashar al-Assad, li rriżultat fi gwerra ċivili.
//= $special ?>