Raġel ta’ 36 sena mir-Rabat Għawdex kien liberat mill-Qorti tal-Maġistrati f’Għawdex fi stadju ta’ kumpilazzjoni wara li ġiet stabbilit li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex jitpoġġa taħt att ta’ akkuża. Dan wara li allegatament tqabbad minn mara biex isejjaħ dimonju ta 30,000 sena bl-isem ta’ Beżużu fuq mara oħra li kellha relazzjoni mal-eks raġel tagħha.
Mario Cardona tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud akkużat fost oħrajn li f’Novembru tal-2014 għamel qliegħ b’qerq ta’ madwar €3,000 għad-dannu ta’ Iain Gilbert Milroy u martu Carol Gilroy, illum divorzjati.
Mill-provi esibiti irriżulta li Carol Gilroy qabbdet lill-imputat biex jagħmel magħmul lis-sieħba tal-eks raġel tagħha. Iain Gilroy induna b’dan meta l-eks mara ħalliet il-paġna tagħha ta’ Facebook miftuħa u dak il-ħin daħal messaġġ mingħand l-akkużat sabiex jingħata l-ħlas. Meta tkellem mal-pulizija, Cardona stqarr li hu ntalab jagħti servizz u ta’ dan hu talab ħlas.
Wara li Beżużu ma tfaċċax, il-mara talbet il-flus lura, xi ħaġa li l-imputat naqas milli jagħmel.
Fis-sentenza tiegħu, il-Qorti kkunsidrat li m’hemmx artiklu speċifiku fil-Kodiċi Kriminali jew xi liġi penali oħra li tikkastiga l-opri ta’ sħaħar u għaldaqstant il-liġi tistrieħ fuq l-artikli 308 u 309 tal-Kodiċi Kriminali li jittrattaw dwar qliegħ b’qerq.
Il-Qorti kkonkludiet li “bl-ebda tiġbid tal-immaginazzjoni ma wiehed jista’ jasal biex jikkonkludi li l-imputat qarraq b’Carol Milroy. Kienet hi li avvicinatu u talbet is-servizz tieghu, liema servizz kellu jkun ritwal spiritwali fejn ikun invokat demonju li ghandu tletin elf sena (30,000) bl-isem ta’ “bezuzu” li jwassal biex il-mara li kienet ma’ zewgha f’relazzjoni extra matrimonjali ma tibqax mieghu u hu jirritorna lura maghha.”
Għal din ir-raġuni kif ukoll raġunijiet oħrajn, fosthom li Carol Milroy qatt ma wriet interess li tressaq proċeduri kriminali l-imputat, il-Qorti tiddikjara li prima facie ma hemmx raġunijiet biżżejjed sabiex Cardona jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri. L-Avukat Joshua Grech deher għal Mario Cardona
//= $special ?>

