Lokali Parlament

Investigazzjoni mill-Pulizija dwar ħlasijiet fl-Aġenzija Sedqa

Il-Pulizija ġiet mitluba tinvestiga każi fejn saru ċerti firem fuq karti dwar attendenza li bihom isiru ħlasijiet għal xogħol relatat mal-Aġenzija Sedqa.

Dan kien żvelat fil-Parlament f’laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi li ddiskuta r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Aġenzija Sedqa. F’kumment li għamel l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu, irrimarka dwar “dokumenti fabbrikati u emendati”.

Vanessa Tonna, mill-Uffiċċju tal-Awditur, spjegat li dan il-kumment sar wara li l-Awditur ġie ppreżentat b’dokumenti li kienu mibdula u differenti minn dawk li diġà kellu f’idu l-Uffiċċju tal-Awditur.

Jesmond Schembri, mill-Aġenzija Sedqa, spjega li dan kien relatat ma’ karti dwar attendenza li filwaqt li jaf li kienu jeżistu, baqgħu ma nstabux. Meta ġew mitluba dawn id-dokumenti, reġgħu saru kopji oħra u ġew preżentati lill-Awditur.

Vanessa Tonna qalet li filwaqt li d-dokumenti li kellhom huma ma kinux iffirmati u talbu għal dokumenti ffirmati, l-Uffiċċju ġie ppreżentat b’dokumenti ffirmati imma li kellhom dettalji differenti minn dawk oriġinali.

Iċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari, Tonio Fenech, qal li ladarba rriżultalha li d-dokumenti kienu mitlufa, l-Aġenzija Sedqa kellha tirrapporta dan lill-Awditur u mhux isiru dokumenti oħra minflokom.

Vanessa Tonna qalet li kien hemm aktar minn każ wieħed fejn dan in-nuqqas irriżulta matul l-investigazzjoni mill-Uffiċċju tal-Awditur.

Alfred Grixti, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, qal li ma jistax jaċċetta l-kumment tal-Awditur li kienu qed jiġu fabbrikati dokumenti. Hu żied li f’każi fejn ġew innutati ċerti firem, sar rapport lill-Pulizija li qed tinvestiga b’kollaborazzjoni man-nies tal-Fondazzjoni.