Koppja Ingliża li kienet qed tiċċelebra l-ewwel anniversarju tat-tieġ tagħhom bi btala hawn Malta spiċċawha ħażin wara li r-raġel sofra daqqa ta’ flixkun f’rasu kmieni ilbieraħ filgħodu.
Il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti lil Andrea Galea, żagħżugħ ta’ 19-il sena residenti l-Imtarfa, akkużat bir-reat. L-Ispettur Trevor Micallef xlieh ukoll li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi fuq Joseph Shaun Vine minn Portsmouth fir-Renju Unit.
L-Ispettur xehed quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li l-pulizija daħlilha rapport li seħħet ġlieda fil-club Havana u li xi ħadd ittieħed l-Isptar għal ġrieħi li ġarrab. Skont l-istqarrija tal-vittma, hu ġie attakkat mill-akkużat bi flixkun u sofra 12-il punt f’rasu kif ukoll sofra xi qtugħ f’dahru.
L-Ispettur kompla li l-istqarrija tal-akkużat, ingħatat verżjoni kompletament differenti. Min-naħa tiegħu, Andrea Galea qal li l-vittma qabadlu l-warrani u malli kkonfrontah, l-Ingliż allegatament waddab sigarett lejn sieħbu u għamel ġest oxxen fil-konfront tiegħu. Wara inqalgħet kommozzjoni u ma jafx eżattament x’ġara.
Xehed ukoll il-vittma Joseph Shaun Vine li qal li hu ġie Malta flimkien ma’ martu sabiex iżuru lil missierha u jiċċelebraw l-ewwel anniversarju taż-żwieġ tagħhom f’Malta. Huma kienu ilhom ġimgħa f’pajjiżna. Hu qal li dakinhar tal-inċident hu u martu marru fi club ieħor qabel ma’ marru fil-club Havana. Vine kompla li għall-ħabta tat-2.45a.m. martu qaltlu biex imorru lura fejn qed joqogħdu. Hi marret tisetnnieh barra sakemm hu mar fit-toilet. Hu rrakkonta li kif ħareġ, hu sema’ grupp ta’ madwar erba’ żagħżagħ jiżżuffjettaw bid-dehra tiegħu. Meta dar fuqhom u staqsiehom x’ġara, hu qala’ daqqa ta’ flixkun f’rasu. Hu waqa’ u dak il-ħin x’aktarx barax dahru mal-flixkun imkisser. Ambulanza ħaditu l-isptar għall-kura fejn kellhom bżonn isirulu l-punti kemm fuq rasu kif ukoll fuq driegħu.
Joseph Shaun Vine identifika lill-akkużat Andrea Galea wara li rah fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan l-għada filgħodu. Kontroeżaminat mid-difiża, Vine qal li hu kien qed jixrob flimkien ma’ martu u qal li minkejja x-xorb alkoħoliku u d-dlam, hu seta jidentifika l-akkużat.
Xehdet ukoll Melissa Vine, mart l-akkużat li essenzjalment ikkonfermat il-verżjoni ta’ żewġha iżda qalet li kienet barra mill-istabbiliment meta seħħ l-inċident u rat biss lil żewġha ħiereġ skortat bid-demm ħiereġ minn rasu.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ġaladarba x-xhieda ewlenin taw il-verżjoni tagħhom u kienu se jħallu Malta illum stess.
Andrea Galea ingħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €5,500.
//= $special ?>