Mara Kolombjana ta’ 29 sena ingħatat il-liberta’ proviżorja wara li wieġbet mhux ħatja li użat dokument falz sabiex iġġedded il-permess ta’ residenza f’Malta.
Id-Difiża nnutat li Natalia del Pilar Escobar ilha Malta madwar erba’ snin u nofs u kienet f’pajjiżna biex titgħallem l-Ingliż. Oħt l-akkużata kienet assassinata meta kellha 17-il sena u d-difiża esprimiet il-biża li Escobar tkun fil-periklu jekk tintbagħat lura fil-Kolombja. Kien għalhekk li erba’ snin ilu, il-ġenituri tagħha bagħtuha Malta biex titgħallem l-Ingliż. Meta talab għall-ħelsien mill-arrest, l-Avukat Roberto Montalto qal li l-akkużata għandha kondotta nadifa u l-Konslu Onorarju tal-Kolombja f’Malta Joseph Buhagiar ilu jafha għal dawn l-aħħar sentejn u jiddikjara li hi persuna affidabbli.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba minħabba n-nuqqas ta’ affidabilita’ tagħha u li toqgħod f’indirizz f’Paceville fejn l-inkwilini jinbidlu ta’ spiss.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli,laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu €1,000 u garanzija personali ta’ €6,000. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Darren Buhagiar filwaqt li l-Avukat Roberto Montalto deher għal Escobar.
//= $special ?>