Lokali

Konrad Mizzi u Keith Schembri ippruvaw jiftħu kontijiet ma’ bank Żvizzeru

Il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, involuti fl-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers, f’Diċembru 2015 ippruvaw jiftħu kontijiet bankarji anke ma Bank Żvizzeru.

Mill-aħħar informazzjoni li ħarġet minn dan l-iskandlu jirriżulta li t-tnejn li huma riedu jiftħu l-kontijiet bankarji għall-kumpanija fil-Panama li żammew sigrieti u li ħbewhom ukoll bi ‘trust’ fi New Zealand.

Dawn id-dettalji kienu żvelati f’artiklu fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal The Times of Malta, fejn ingħad li emails li kienu ‘leaked’ mid-ditta legali Mossack Fonseca juru li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu infurmati mill-intermedjarju tagħhom (Nexia BT) li kienu saru diversi attentati biex jinfetħu kontijiet bankarji għall-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama.

Fil-ġimgħat li għaddew kien irrappurtat kif huma għamlu mill-anqas sitt tentattivi ma’ sitt banek differenti biex jipprovaw jiftħu kont bankarju barra minn Malta. Iżda dawn l-aħħar dettalji żvelati juru l-kuntatt kontinwu bejn Karl Cini f’isem Nexia BT u d-ditta legali fil-Panama Mossack Fonseca permezz ta’ emails li ntbaghtu f’Settembru, f’Novembru u f’Dicembru 2015.

Ix-xahar li għadda, Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu ċaħdu li l-emails ta’ Nexia BT kienu qed jirreferu għalihom. Iżda minn dawn l-emails joħroġ ċar kif il-kodiċi użati jaqblu ma’ dawk użati minn Mossack Fonseca bħala referenza għal Schembri u Mizzi.