Koppja b’żewġt itfal għandhom bżonn €11,446 fis-sena. Ġenitur wieħed b’żewġt itfal għandu bżonn €9,197 fis-sena u koppja anzjana għandha bżonn €6,527 fis-sena u dan biex jgħixu ħajja diċenti mingħajr kapriċċi.
Dawn il-figuri ħarġu minn studju li għamlet Caritas Malta. Studju li jistabilixxi baġit essenzjali għal għejxien diċenti. Dan l-istudju hu wkoll aġġornament fuq riċerka li saret fl-2012.
Il-figuri stabbiliti sabiex 3 tipi ta’ familji jkunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti jinkludu u jieħdu nkunsiderazzjoni l-massimu tas-sussidji u l-benefiċċji li jipprovdi l-istat lil familji bi dħul baxx.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet id-direttur tal-Caritas Leonid Mc Kay, spjega kif f’dan l-istudju kien stabbilit dak li qed ikun deskritt bħala baskett ta’ oġġetti u servizzi essenzjali għal familji bi dħul baxx.
Dan il-baskett jinkludi: il-housing, jiġifieri kirjiet f’postijiet tal-gvern, l-ikel, il-ħwejjeġ, il-kura personali, is-saħħa, it-trasport, l-edukazzjoni, household goods u mobile phone. Xi ħaġa li żgur ma jinkludix dan il-baskett hu t-tfaddil ta’ flus.
Biex fl-istudju ħarġu bil-figuri tal-ispejjeż li jkollhom it-3 tipi ta’ familji, ħadu l-prezzijiet li offra s-suq f’Novembru 2015. Fost l-affarijiet li ħallew barra minn dan il-baskett kien hemm, servizzi ta’ child care, assigurazzjoni, safar, rigali, sigaretti u anke spejjeż relatati ma’ annimali domestiċi.
Suzanne Piscopo, f’isem it-tim ta’ riċerkaturi spjegat kif l-akbar spiża tibqa’ dik marbuta mal-ikel, imgħad ma’ Houshold goods, ħwejjeġ, kura personali, trasport, edukazzjoni, saħħa, u l-inqas spiża tkun dik fuq il-housing.
Meta kkumparat mal-istess studju li sar fl-2012, jirriżulta li ż-żieda fl-ispejjeż għal dawn il-bżonnijiet bażiċi minn 45% telgħet għal 54% u dan minħabba żieda fl-inflazzjoni fuq l-ikel li skont l-NSO żdiedt b’16%.
Matul il-preżentazzjoni tal-istudju, Suzanne Piscopo spjegat wkoll kif meta lil dawn it-tlett tipi ta’ familja idaħħlu kapriċċ bħal ma hu li joħorġu jieklu f’xi ristorant darba fix-xahar, jew jikru post privat u mhux tal-gvern, fuq perjodu ta’ sena l-ispiża ovjament titla’ mhux ħażin.
Minn naħa tiegħu Andre Bonello, li ħadem wkoll fuq dan l-istudju semma’ numru ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex persuni, familji, ma jispiċċawx fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar. Fost dawn ir-rakkomandazzjonijiet hemm li tiżdied il-paga minima fuq perjodu ta’ 3 snin.
Konferma li l-familji vulnerabbli l-aktar li qed ibatu – il-PN
Fi stqarrija b’reazzjoni, ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Stephen Spiteri qalu li l-aktar familji li qed ibatu f’pajjiżna huma dawk l-aktar dgħajfin u li għandhom dħul medju jew anqas.
Il-Kelliema qalu li dan hu studju mill-aktar serju u professjonali, li jkompli jikxef ir-realtà li qed jgħixu l-familji Maltin u Għawdxin. L-aktar ħaġa li tispikka f’dan l-istudju hu li l-għoli tal-ħajja reali li qed ibatu l-familji hu ferm ogħla minn dak li jgħid il-Gvern fl-istatistika uffiċjali.
L-istess studju jikkonferma kemm fi tliet snin, Muscat falla fil-wegħda li jeradika l-faqar minn pajjiżna. Hu ċar li l-faqar mhux talli ma ġiex eradikat, iżda talli żdied. Il-Partit Nazzjonalista qal li se jkun qed jistudja fid-dettall dan ir-rapport u se jkun qed jagħti r-reazzjoni dettaljata tiegħu fis-sigħat li ġejjin.
//= $special ?>