Id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia emendat il-mozzjoni li ressqet ilbieraħ fil-Parlament u talbet biex wara li l-Kumitat Parlamentari li proponiet li jitwaqqaf adhoc biex jinvestiga l-akkużi u allegazzjonijiet dokumentati dwar Keith Shembri, il-Kamra teżamina jekk għandhiex tiċċensura l-aġir tal-Prim Ministru fid-dawl tal-fiduċja li hu sostna fiċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri.
Marlene Farrugia talbet fil-mozzjoni, biex il-Kamra titlob lill-Prim Ministru biex jesiġi għar-riżenja tal-istess Keith Schembri b’mod immedjat biex il-Kamra tiċċensura l-aġir tal-istess Keith Schembri, il-persuna ta’ fiduċja tal-Prim Ministru.
Fil-mozzjoni tagħha li ppreżentat ilbieraħ lill-Iskrivan tal-Kamra, l-eks-Deputat Laburista Marlene Farrugia ddikjarat li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, uffiċal pubbliku mħallas minn fondi pubbliċi, spiċċa fil-qalba ta’ allegazzjonijiet dokumentati serjissimi u bla ebda preċedent f’dawn l-aħħar ġimgħat.
Meta wieħed iqis il-kariga li hu jokkupa, l-istess allegazzjonijiet spiċċaw jimminaw kemm l-interess nazzjonali kif ukoll il-fiduċja murija fil-Gvern tal-ġurnata.
Marlene Farrugia saħqet li temmen li hu fl-interess nazzjonali, minbarra tat-trasparenza u l-kontabbiltà bażika mistennija mill-aktar persuna viċin il-Prim Ministru, li l-Parlament jiddiskuti fid-dettal dawn l-allegazzjonijiet b’mod li jinstemgħu xhieda u jinġiebu provi, inkluż l-istess Chief of Staff tal-Prim Ministru u kull xhud li l-Parlament jidhirlu li għandu jressaq.
Insistiet ukoll fil-mozzjoni, li l-Kamra taħtar Kumitat Parlamentari adhoc bl-istess setgħat tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, u li jkun magħmul minn seba’ membri tal-Kamra, erbgħa mill-Oppożizzjoni u tlieta mill-Gvern, bil-President tal-Kumitat ikun membru tal-Oppożizzjoni biex dlonk jibda jisma’ u jikkonkludi fi żmien massimu ta’ xahrejn, kull xhud u kull prova meqjusa neċessarja, inkluż lill-istess Chief of Staff tal-Prim Ministru. Dan biex ikun imħares l-interess nazzjonali u l-interess pubbliku fid-dawl ta’ dawn l-akkużi u allegazzjonijiet dokumentati.
Marlene Farrugia kkonkludiet fil-mozzjoni tagħha, li wara li l-Kumitat Parlamentari adhoc ikun lesta xogħlu, u skont l-eżitu tal-istess Kumitat, il-Kamra tiċċensura l-aġir tal-Prim Ministru fid-dawl tal-fiduċja li hu sostna f’Keith Schembri.
Talbet ukoll lill-Prim Ministru biex jesiġi r-riżenja tal-istess Keith Schembri b’mod immedjat.
Id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia emendat il-mozzjoni li ressqet ilbieraħ fil-Parlament wara li ġibdilha l-attenzjoni l-President tal-Kamra Anġlu Farrugia li spjega li mozzjoni ta’ sfiduċja jew ta’ ċensura ma tistax issir kontra persuna li mhix membru parlamentari.
Il-mozzjoni, biex tkun aċċettata, għandha titressaq kontra l-ministru responsabbli mill-ħatra, f’dan il-każ, il-Prim Ministru Muscat li ħatar lil Keith Schembri bħala Chief of Staff fl-Uffiċċju tiegħu f’Kastilja.
//= $special ?>