Wara tliet snin u xahrejn tal-Gvern Laburista se jerġa’ jinħatar il-Bord għat-Tmexxija tad-Dwejra li l-aħħar li ltaqa’ kien taħt amministrazzjoni Nazzjonalista
Mistoqsijiet parlamentari li saru dan l-aħħar lill-Gvern mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, ċaqilqu lill-Gvern biex jieħu azzjoni.
Wara li fi tliet snin u xahrejn il-Gvern Laburista ma sabx ħin biex jerġa’ jaħtar il-Bord li jieħu ħsieb it-tmexxija tad-Dwejra f’Għawdex – post tant importanti għall-gżira Għawdxija – il-Gvern issa ddikjara fil-Parlament wara pressjoni li saret b’mistoqsijiet parlamentari, li dan il-Bord se jerġa’ jiġi kostitwit.
Ix-Shadow Minister għal Għawdex ilu għal dawn l-aħħar xahrejn jistaqsi dwar jekk il-Management Board tad-Dwejra f’Għawdex fi ħdan dik li kienet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, għadux jiffunzjona, u jekk għadu jiffunzjona min huma l-membri ta’ dan il-Bord u meta l-aħħar li ltaqa’. F’dan il-Bord kien hemm rappreżentanti tal-istakeholders kollha – fosthom il-Ministeru għal Għawdex, il-MEPA, il-Kunsill Lokali u l-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu (MTA).
Fil-bidu ta’ Marzu li għadda, ix-Shadow Minister Chris Said staqsa dwar l-eżistenza ta’ dan il-Bord lill-Prim Mnistru Muscat, bit-tweġiba kienet li t-tagħrif kien qed jinġabar. Meta reġgħet tressqet l-istess mistoqsija aktar tard fl-istess xahar, il-Prim Ministru wieġeb b’mod differenti u talab lix-Shadow Minister iressaq il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Josè Herrera, wieġeb għal din il-mistoqsija u qal li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Rizorsi għadha ma ħatritx Bord ġdid. Ikkonferma wkoll li l-Management Board tad-Dwejra f’Għawdex imwaqqaf mill-MEPA ltaqa’ l-aħħar fl-2012 – taħt l-aministrazzjoni Nazzjonalista.
Għal din l-aħħar tweġiba tal-Ministru Josè Herrera, ix-Shadow Minister Chris Said staqsa lill-istess Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi taħtar il-Management Bord għad-Dwejra f’Għawdex u jekk iħossx li Bord bħal dan hu essenzjali biex jiġi assigurat li l-ġawhra naturali tad-Dwejra tkun imħarsa.
Fl-aħħar tweġiba tiegħu lbieraħ, il-Ministru Herrera spjega fil-Parlament li biex jiġi assigurat li l-ġawhra naturali tad-Dwejra tkun imħarsa, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qiegħda tħejji Pjan ta’ Tmexxija għas-sit biex jintuża bħala qafas ċar għall-immaniġġjar xieraq ta’ dan is-sit. Dan il-pjan jirrikjedi wkoll it-twaqqif ta’ korp maniġerjali għas-sit biex jissostitwixxi lid-Dwejra Management Board.
Jirriżulta li lbieraħ stess il-Minisiru Herrera ltaqa’ maċ-Chairman tal-ERA fuq dan is-suġġett fejn tlabtu tagħrif dwar l-istruttura ta’ dan il-bord biex wara, skont il-Ministru, beħsiebu jgħaddi minnufih sabiex jaħtar l-imsemmija membri ta’ dan il-bord.
Mitlub jikkummenta dwar dan l-iżvilupp, ix-Shadow Minister Chris Said qal li l-mistoqsijiet parlamentari li għamel fl-aħħar ġimgħat dwar il-Management Bord tad-Dwejra, jidher li ser iħallu effett.
Minn dawn il-mistoqsijiet ħareġ li dan il-Bord wara l-elezzjoni ma ġiex kostitwit, u issa, wara pressjoni bil-mistoqsijiet parlamentari, jidher li ser jerġa’ jiġi kostitwit.
Chris Said saħaq fuq l-importanza li niehdu kull pass biex inħarsu din il-ġawhra naturali fid-Dwejra f’Għawdex.
//= $special ?>