Lokali Parlament

Sitwazzjoni ta’ pajjiż fejn id-demokrazija sejra lura – il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iddikjara fil-Parlament li d-demokrazija tal-pajjiż sejra lura u talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia jagħti ruling dwar il-mod li bih id-deputat indipendenti Marlene Farrugia ntalbet temenda l-mozzjoni li ressqet kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, meta tliet snin ilu tressqet mozzjoni simili kontra r-Rappreżentant ta’ Malta fl-UE, Richard Cachia Caruana.

Fil-bidu tas-seduta tal-lejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni ġibed l-attenzjoni għall-mod kif inbidlet il-mozzjoni ta’ ċensura kontra Keith Schembri u issa ġiet emendata u nbidlet totalment f’mozzjoni ta’ ċensura fil-Prim Ministru.

Staqsa fuq liema bażi wasal għall-konklużjoni li l-mozzjoni kif tressqet minn Marlene Farrugia kontra Keith Schembri, mhix ammissibbli u li kieku baqgħet hekk, ma kinitx tiġi aċċettata u tidħol fil-ktieb tal-mozzjonijiet tal-Kamra biex titressaq għad-dibattitu fil-Parlament.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar lill-Ispeaker, li l-Oppożizzjoni Laburista li kien jifforma minnha hu stess (Anġlu Farrugia), tliet snin ilu kienet ippreżentat mozzjoni ta’ sfiduċja kontra Richard Cachia Caruana – mozzjoni simili għal dik li tressqet minn Marlene Farrugia kontra Keith Schembri. Fakkar ukoll li dakinhar il-Kamra kienet iddibattiet dik il-mozzjoni u approvat ukoll il-mozzjoni.

L-Ispeaker wieġeb li kien l-Iskrivan tal-Kamra li informa lid-deputat Marlene Farrugia li parti mill-mozzjoni tagħha ma kinitx ammissibbli, u wara li għamlet il-korrezzoni tagħha, il-mozzjoni kienet aċċettata u ddaħħlet fil-ktieb tal-mozzjonijiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jinsisti li l-mozzjoni kif issa hi emendata, ġiet żnaturata u mibdula f’mozzjoni ta’ ċensura mhux aktar f’Keith Schembri, iżda kontra l-Prim Ministru.

L-Ispeaker irrimarka li ma tistax titressaq mozzjoni ta’ ċensura kontra membru li mhux fil-Parlament. Ikkummenta wkoll li d-deċiżjoni li tiġi aċċettata l-mozzjoni kontra Richard Caciha Caruana mhux hu ħadha. Żied li wara parir, il-pożzzjoni li ħa kienet li jew titħalla l-mozzjoni kif inhi u ma tiġix aċċettata, jew li tiġi emendata.

Simon Busuttil saħaq li d-deċiżjoni tal-Ispeaker illum wasslet biex inħoloq preċedent meta l-Parlament m’għandux poter jiddiskuti mozzjoni kontra Keith Schembri meta ftit tas-snin ilu ddiskuta mozzjoni kontra Richard Cachia Caruana.

Il-Kap tal-Oppożizjoni talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia jagħti ruling quddiem dan il-preċedent ċar li nħoloq waqt li saħaq li din hi sitwazzjoni fejn issa d-demokrazija sejra lura.

Għar-rimarki tal-Ministru Owen Bonnici li qal li d-deċiżjoni li ħa l-Ispeaker kienet korretta, Simon Busuttil saħaq li l-kariga ta’ Keith Schembri mhix differenti minn dik li kien fiha Richard Cachia Caruana. Appella lill-Ispeaker li fir-ruling li se jagħti, jidħol fin-natura tal-kuntratti ta’ Richard Cachia Caruana u dak ta’ Keith Schembri.

Wissa li allaħares il-Parlament m’għandux poteri fuq kariga ta’ persuna f’position of trust għaliex niġu f’sitwazzjoni li kariga ta’ position of trust tkun ogħla mill-Parlament.