Is-Surġent Maġġur Eugenio Caruana, li l-Oppożizzjoni talbet biex jiġi assenjat xogħol mhux fil-Parlament wara li attakka fuq Facebook lil diversi membri tal-Oppożizzjoni għaliex mhix tħossa protetta bil-preżenza tiegħu fil-bini tal-ogħla isitutuzzjoni tal-pajjiż, talab hu lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija biex jingħata xogħol ieħor mhux fil-Parlament.
Dan l-iżvilupp seħħ wara li l-President tal-Kamra Anġlu Farrugia qara korrispondenza li kien għadu kif irċieva mill-Aġent Kummissarju Lawrence Cutajar waqt li l-Ispeaker kien għadu kif temm jaqra deċiżjoni li ta għal ruling li talab il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fis-seduta tal-bieraħ.
L-ittra tal-Aġent Kummissarju tal-Pulizija kienet tgħid li kien is-Surġent Maġġur innifisu li talab li jiġi assenjat xogħol mhux fil-bini tal-parlament.
Qabel ma qara l-ittra tal-Aġent Kummissarju, l-Ispeaker kien għadu kif iddikjara li se jżomm mad-deċiżjoni li kien ta – dik li mhux se jindaħal fix-xogħol tal-Aġent Kummissarju tal-Pulizija u li hu kien se jassigura li kull membru tas-sigurtà fil-bini tal-Parlament iwettaq id-dmirijiet tiegħu b’lealtà lejn kull membru tal-Kamra u lejn l-istituzzjoni tal-Parlament.
Wara li nqrat l-ittra tal-Aġent Kummissarju, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil staqsa lill-Ispeaker jagħti assigurazzjoni lill-Kamra li s-Surġent Maġġur Caruana ma kienx preżenti fil-bini tal-Parlament minħabba li l-Oppożizzjoni mhix lesta toqgħod fil-Parlament fil-preżenza ta’ dan il-membru tal-Korp tal-Pulizija.
Wara li saret il-verifika, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ddikjara li s-Surġent Maġġur Eugenio Caruana ma kienx fil-bini tal-Parlament.
Fir-rimarki li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni immedjatament wara li l-Ispeaker qara r-ruling li fih iddikjara li ma kienx se jindaħal lill-Aġent Kummissarju, Simon Busuttil qal li llum fil-Parlament l-Oppożizzjoni ma tħossx li hi protetta mill-President tal-Kamra għaliex kien il-Maġġur, li kien korrett, li b’rieda tiegħu għażel li jitlaq.
Simon Busuttil irrimarka li l-President tal-Kamra hu f’dover li jipproteġi lil kull membru tal-Kamra u jekk ikun hawn min iħossu li mhux protett, is-Sedja għandha tassigura li tħares u tipproteġi l-membri tal-Kamra b’kull mezz.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sejjaħ din is-sitwazzjoni bħala inkredibbli.
Fuq Facebook, is-Surġent Maġġur Eugenio Caruana mhux biss attakka fuq Facebook lill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u lix-Shadow Minister Claudette Buttigieg, iżda wkoll lill-Arċisqof Scicluna.
//= $special ?>