L-awtoritajiet Tajlandiżi qed iħejju biex jagħlqu l-gżira ta’ Koh Tachai, fejn qalu li l-livell tat-turiżmu qawwi qed iħalli impatt negattiv għall-ambjent u għar-riżorsi naturali.
Il-gżira, li tinsab lil hinn mill-provinċja ta’ Phang Nga, tifforma parti mill-Park Nazzjonali tal-Gżejjer ta’ Similan. Intant, l-istampa Tajlandiża qalet li filwaqt li l-istaġun tal-monsoon se jwassal biex il-parks nazzjonali marittimi (fit-Tajlandja) jingħalqu kważi kollha minn issa sa nofs Ottubru, il-park ta’ Tachai mhux se jerġa’ jiftaħ.
Dan il-park partikolari hu popolari ħafna mal-bugħaddasa u t-turisti. Hu mifhum, intant, li l-bugħaddasa xorta se jkollhom aċċess għal numru ta’ dive sites fiz-zona.
L-esperti qalu li filwaqt li bajja partikolari fuq Koh Tachai għandha kapaċità għal 70 persuna, l-ammont tat-turisti fl-inħawi ġieli qabeż sew l-1,000 ruħ, meta wieħed iqis ukoll l-impatt tal-bottegini tal-ikel u d-dgħajjes għal tours madwar il-gżira. Iċ-ċirkustanzi wasslu għal sitwazzjoni insostenibbli li qiegħda thedded ħsarat irriversibbli għall-ambjent.
//= $special ?>