Ambjent Lokali

Tħassib mill-MDA dwar it-tender għas-sit tal-ITS

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-mod kif sar il-proċess tas-sejħa għal offerti ħalli jkun żviluppat is-sit tal-ITS fil-Bajja ta’ San Ġorġ. Filwaqt li ddikjarat li mhijiex kontra l-proġett propost, l-MDA fi stqarrija qalet li tinsab imħassba minħabba nuqqasijiet li jidher li kien hemm fil-proċess tas-sejħa għat-tender.

Fl-istqarrija, jingħad li t-tender kien aktar jixbaħ sejħa għal proposti u dan jidher li ħoloq konfużjoni. Għaldaqstant, l-MDA qalet li tistenna li meta joħroġ tender ta’ dan it-tip, il-Gvern għandu jipprepara minn qabel Development Brief ħalli kulħadd ikun jaf b’mod ċar x’jista’ jinbena fuq is-sit speċifiku.

L-MDA kompliet li ż-żmien li ngħata biex jiġu ppreparati d-dokumenti u d-dettalji tas-sottomissjonijiet għandu jkun twil biżżejjed biex ikun assigurat li jkun hemm ‘level playing field’ bejn kulmin ikun interessat li jidħol għall-proġett. Qalet li dan hu importanti wkoll biex ikun assigurat li l-proċess ikun wieħed trasparenti.

L-MDA qalet li l-Gvern għandu jistabilixxi l-prezz minimu li jkun lest li jaċċetta għal art pubblika u għalhekk qed tinsisti mal-Gvern li l-valur tal-art jirrifletti l-prezz kummerċjali tas-suq ħalli jkun imħares il-ġid komuni.