Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia nħatret bħala l-Kap ta’ Delegazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew waqt żjara fiċ-Ċina.
Id-Delegazzjoni se tkun involuta f’taħdidiet bilaterali dwar aspetti differenti tad-Drittijiet tal-Propjetà Intelletwali (IPR), il-Copyright, żviluppi fuq ir-regolamentazzjoni f’setturi bħar-Robotika u l-Intelliġenza Artifiċjali, kif ukoll se tkun involuta f’diskussjonijiet fuq il-Liġijiet Imprenditorjali u l-Governanza Korporattiva.
Dwar din il-ħatra, Therese Comodini Cachia stqarret li “hu unur għalija li ngħatajt l-inkarigu li mmexxi din id-Delegazzjoni tant importanti. L-għan hu li nwessgħu d-djalogu maċ-Ċina fuq il-prinċipji tal-kummerċ ġust. L-Unjoni Ewropea tinvesti ħafna f’taħdidiet bilaterali biex tiżgura li l-kummerċ u l-innovazzjoni fl-Ewropa ma jiġux ippreġudikati b’differenzi fir-regolamentazzjoni u l-infurzar. L-Unjoni Ewropea hi l-akbar sors ta’ importazzjoni għaċ-Ċina, filwaqt li ċ-Ċina hi waħda mill-akbar swieq ta’ esportazzjoni għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
“Se nkunu qed niddiskutu kwistjonijiet relatati ma’ ekonomiji mmexxija bl-innovazzjoni, strateġija għad-drittijiet tal-propjetà intelletwali għall-internazzjonalizzazzjoni tad-ditti, li tkun tinkludi soluzzjonijiet effettivi għall-ksur tad-drittijiet tal-propjetà intelletwali, kif ukoll l-iffaċilitar ta’ strutturi tal-governanza korporattiva, minbarra l-użu ta’ robotika industrijali magħmula fl-Ewropa u l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali li qed jikber fiċ-Ċina. Se niddiskutu wkoll l-aspetti etiċi u legali relatati ma’ dan is-settur”, spjegat l-MEP Maltija.
Id-Delegazzjoni se tiltaqa’ ma’ Uffiċjali mill-Uffiċċji tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-Kungress Nazzjonali tal-Poplu, il-Qorti Suprema, il-Ministeru għall-Kummerċ, awtoritajiet nazzjonali, esperti u s-soċjetà ċivili. Minbarra lil Therese Comodini Cachia (PPE), id-delegazzjoni se tinkludi wkoll lil Mary Honeyball (S&D), Emil Radev (PPE), Angel Dzhambazki (ECR) u Kostas Chrysogonos (EU/NGL).
Fl-aħħar sentejn, Comodini Cachia ħadmet fuq kwistjonijiet relatati mal-IPR, il-governanza korporattiva, ir-robotika u l-intelligenza artifiċjali. Hi kienet Rapporteur tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fuq l-adattament tal-Copyright għad-dimensjoni diġitali. Qed tirrappreżenta lill-PPE fil-Working Group fuq kwistjonijiet legali relatati mal-iżvilupp tar-robotika u l-intelligenza artifiċjali, filwaqt li dan l-aħħar ġiet appuntata fil-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Propjetà Intelletwali (EUPIO).
Din is-sena, Therese Comodini Cachia rebħet il-premju prestiġġjuż tal-MEP tas-Sena fis-settur tal-governanza korporattiva.
//= $special ?>