Għadha rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva l-mara Franċiża ta’ 46 sena li lbieraħ kienet fost it-tmien persuni li weġġgħu meta ċediet il-gallarija tal-istabbiliment Barracuda fil-Balluta.
Għalkemm il-mara ġiet iċċertifikata li tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha, fl-aħħar sigħat jidher li qalbet xi ftit għall-aħjar. Apparti din il-mara, kien hem ukoll raġel li ġarrab feriti gravi, filwaqt li l-kumplament ħelsuha b’xi feriti ħfief. Il-persuni li weġġgħu huma kollha Franċiżi.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.10pm tal-bieraħ, meta diversi persuni kienu qed jieklu fil-gallarija tar-ristorant Barracuda. F’ħin minnhom, persuni fil-post spjegaw kif semgħu ħoss qawwi u raw il-gallarija ċċedi.
Fil-post waslu ammont ta’ Ambulanzi, Uffiċjali tal-Pulizija u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll anke patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta. Il-Maġistrat Francesco Depasquale qed imexxi l-Inkejsta, bl-għajnuna ta’ numru ta’ Esperti tal-Qorti.
Fil-fatt, kmieni dalgħodu komplew l-investigazzjonijiet fil-post tal-inċident, fejn kien hemm preżenti wkoll il-propjetarji tal-istabbiliment flimkien mal-Esperti tal-Qorti. Kien hemm ukoll numru ta’ impjegati, li ssejħu biex jagħtu x-xhieda tagħhom dwar dak li ġara.
//= $special ?>