Editorjal

EDITORJAL: Id-duħħan ta’ Joseph Muscat ma jistax jgħajjeb il-fatti

Sa minn kważi tliet xhur ilu, issa – kemm ilu li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama – Joseph Muscat ittama li dan l-iskandlu enormi u internazzjonali li jolqot direttament lilu f’Kastilja kien se jgħib fl-abbundanza ta’ duħħan li għal tliet snin sħaħ il-Prim Ministru tefa’ biex jaħbi l-korruzzjoni kbira tal-Gvern tiegħu.

L-ebda spin ma jista’ jibdel il-fatti
Imma Joseph Muscat mhux jinduna li m’hemm l-ebda spin – l-ebda gideb u tidwir – li jista’ jeħilsu mill-fatti sempliċi u mis-sustanza essenzjali ta’ tliet snin ta’ korruzzjoni kbira li ħakmet lill-Gvern tiegħu fi żmien tant qasir għax tela’ bl-għan preċiż sa minn qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali biex tal-qalba jaħtfu kemm jifilħu.

Kastilja involuta f’diversi każi ta’ korruzzjoni
Meta partit ikun qatta’ s-snin ta’ qabel ma tela’ jippjana kemm se jaħtfu tal-qalba flok x’servizz se jagħti lin-nies l-aktar vulnerabbli u l-aktar dgħajfin, hu ovvju li jiġri dak li qed jiġrilu Joseph Muscat, jiġifieri li jmexxi Gvern li qed jegħreq fil-korruzzjoni li ħafna mill-każi tagħha seħħew proprju f’Kastilja u bl-involviment tiegħu.

Tliet snin jaġixxu ta’ nies li alla tagħhom il-flus
U hu ovvju li jiġri dak li ġralu Joseph Muscat fl-iskandlu tal-Panama – anke jekk dan l-iskandlu internazzjonali nkixef biss b’kumbinazzjoni – jiġifieri li l-eqreb nies tal-Prim Ministru f’Kastilja huma nies li, kif qal tant tajjeb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil nhar il-Ħadd, alla tagħhom huma l-flus u qattgħu dat-tliet snin jaġixxu eżattament bħala nies li jaduraw il-flus għall-esklużjoni ta’ kwalunkwe valur ieħor.

Il-midja indipendenti Maltija msieħba mal-ICIJ
Dan hu li ħiereġ fid-dettalji li qed ikomplu jiġu żvelati mill-midja indipendenti Maltija li ssieħbet mal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) li kixef dan l-iskandlu enormi wara stħarriġ li kien ilu għaddej bih aktar minn sena.

Fatti ġodda u mill-aktar gravi
Dawk li qed jirrappurtaw l-imsieħba Maltin tal-Konsorzju – it-Times u l-Independent – huma fatti ġodda u mill-aktar gravi, apparti naturalment il-fatti li diġà kienu ħarġu dwar il-kumpaniji sigrieti tal-eqreb tnejn min-nies tal-Prim Ministru u l-kontijiet sigrieti li ppruvaw jiftħu f’ħafna banek dejjem jiżdiedu: aġir li messu ġab it-tkeċċija tagħhom mill-ewwel minn Prim Ministru li jidher ċar issa li ma jistax ikeċċihom.

Il-Prim Ministru ma jistax ikeċċihom
Joseph Muscat qatta’ l-ewwel snin tal-karriera tiegħu jigdeb kontra l-Ewropa. Il-Prim Ministru jaħseb li hu espert tal-ispin – jiġifieri kif titlaq ħafna id-duħħan f’xi kwistjoni biex tgħajjeb, iċċajpar, il-fatti u tqarraq bin-nies. Imma d-duħħan mhu se jibdel xejn mill-fatti u mis-sustanza li ħierġa dwar idejn Joseph Muscat il-leminija u x-xellugija f’Kastilja involuti direttament fl-akbar skandlu dinji ta’ ħasil ta’ flus ġejjin mill-korruzzjoni.

U dak ta’ Joseph Muscat hu l-aktar Gvern involut f’dan l-akbar skandlu dinji u jkompli jagħmlu definittivament l-aktar Gvern korrott fl-istorja politika Maltija.