Skont rapport konġunt bejn l-Interpol, l-aġenzija internazzjonali tal-Pulizija, u l-Europol, l-aġenzija tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea, it-traffikar tan-nies lejn l-Unjoni Ewropea hu negozju li qed idaħħal lill-gruppi kriminali mal-ħames biljun ewro kull sena.
Skont ir-rapport, il-gruppi kriminali kienu wara 90 fil-mija tad-dħul ta’ aktar minn miljun immigranti rregolari fl-UE s-sena li għaddiet.
Intqal li s-soltu l-immigranti jħallsu bejn 3,000 u 6,000 ewro kull wieħed wara li jaslu fl-UE. Ladarba jsir il-ħlas, membri tal-gruppi kriminali joħorġu l-flus mill-pajjiż f’bagalji mimlja flus inkella moħbija f’karozzi.
r-rapport qal ukoll li spiss il-karti ta’ identifikazzjoni foloz li qed jintużaw spiss “jinkrew” lill-immigranti biex imbagħad ladarba jidħlu fl-Ewropa, dawn jittieħdu u jerġgħu jintużaw minn xi ħaddieħor.
Ir-rapport tal-Europol qal li d-dħul ta’ immigranti rregolari fl-UE kien jinvolvi wkoll it-tixħim ta’ diversi persuni u dawn kienu jvarjaw minn uffiċjali pubbliċi għal anki uffiċjali militari.
Meta l-flus mit-traffikar tal-bnedmin imur lura lejn il-kapijiet tal-gruppi kriminali, isir ħasil ta’ flus permezz ta’ negozji varji.
Apparti minn hekk, dawn l-istess gruppi huma mdaħħla wkoll fit-traffikar ta’ droga u armi lejn dawn il-pajjiżi.
Intqal li l-kapijiet mhumiex ċittadini tal-UE mill-istess gruppi ta’ nies li jkunu qed jiddaħħlu illegalment fl-UE. Imma kien hemm membri tal-gruppi kriminali ġewwa pajjiżi membri tal-UE li jgħinu jorganizzaw il-vjaġġi u li issa kienu ngħataw iċ-ċittadinanza jew inkella ngħataw permess ta’ residenza.
Ir-rapport, fost l-aktar dettaljati li qatt saru dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni fl-UE, qal li barra mill-konfini tal-UE, kien hemm 80 post li jservu ta’ bażi u post ta’ tluq għall-immigranti u dawk ewlenin kienu fil-Libja, it-Turkija, il-Mali u s-Sirja. Imma l-gruppi kellhom għeruq anki f’postijiet bħall-Kenja u l-Bangladesh.
L-Europol u l-Interpol għandhom aktar minn 40,000 persuna minn 100 pajjiż fuq il-listi tagħhom b’rabta ma’ din l-attività illegali.
Ir-rapport qal li issa dawn il-gruppi kienu qed ibiddlu t-tattika u joffru li jieħdu anki lil dawk li ma jistgħux iħallsu. Dan biex imbagħad huma ladarba jitwasslu lejn l-Ewropa jispiċċaw letteralment skjavi tal-gruppi kriminali u jintużaw, fost oħrajn, għas-sess jew xogħol ta’ strapazz.
Ir-rapport qal ukoll li m’hemm ebda indikazzjoni li gruppi terroristiċi qed jużaw dawn ir-rotot tal-immigrazzjoni b’mod “sistematiku”.
Ir-rapport qal li hu stmat li fil-Libja hemm mat-800,000 immigrant jistennew biex jagħmlu l-vjaġġ lejn l-Ewropa.
Agħfas il-link għar-rapport tal-Interpol/Europol
//= $special ?>