Waqt laqgħa li għaliha attendew numru kbir ta’ msieħba soċjali u operaturi u stakeholders, illum, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-proposti li jistgħu jittieħdu fl-immedjat biex tittaffa l-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Il-proposti ġew ippreżentati mix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli.
Fil-kummenti tiegħu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-35 proposta li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista huma ndirizzati biex jittieħdu fl-immedjat biex itaffu u mhux isolvu l-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Hu qal li fl-istess ħin, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħdem biex ikun f’pożizzjoni li joħroġ bi proposti oħrajn li jindirizzaw l-isfida tat-traffiku fit-tul.
Hu qal li l-proposti li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista ġew imfassla wara konsultazzjoni ma’ stakeholders u issa huma miftuħa għal aktar konsultazzjoni, nkluż mal-imsieħba soċjali.
Simon Busuttil qal li jinsab diżappuntat li fi tliet snin, dan il-Gvern mhux talli ma ndirizzax il-problema tat-traffiku, iżda talli l-problema saret agħar. Hu sostna li l-Oppożizzjoni li jmexxi hu hija waħda li qed toħroġ bi proposti, bħala Gvern alternattiv. Hu qal li jittama li l-Gvern ma jwebbisx rasu, iżda jaddotta wħud minn dawn il-proposti biex sa sentejn oħra, l-problema tat-traffiku tkun ittaffiet.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake u l-Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli.
//= $special ?>