Lokali Qorti

Il-PN jirrikorri fil-Qrati Maltin biex jassigura li fl-elezzjonijiet jivvotaw biss dawk li għandhom id-dritt li jivvotaw

Il-Partit Nazzjonalista aktar kmienu llum kellu jirrikorri għall-Qrati Maltin biex jassigura li fl-elezzjonijiet, jivvota biss min għandu d-dritt li jivvota, u mhux min ikun ingħata d-dritt tal-vot bi ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Dan il-pass qed isir wara li lbieraħ, il-Partit Nazzjonalista żvela li b’evidenza li għandu f’idejh, mal-100 barrani li xtara ċ-ċittadinanza Maltija ngħata d-dritt li jivvota fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, bi prattiċi korrotti.

Dan ħabbru l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta. Beppe Fenech Adami sostna li wara li l-Partit Nazzjonalista żvela dan l-iskandlu, kien hemm individwi li għamlu kuntatt mal-Partit Nazzjonalista li sostnew li rċievew ittri fi djarhom f’isem persuni oħra barranin, u li wara rriżulta li kien hemm irreġitrati individwi li applikaw għaċ-ċittadinanza Maltija.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li dan l-iskandlu mhuwiex dwar il-ħruġ taċ-ċittadinanzi, iżda dwar il-ħruġ tad-dokument tal-voti, u għalhekk huwa marbut direttament mal-proċess elettorali. “Kuntrarjament għal dak li prova jinsinwa l-Gvern fl-istqarrija tiegħu lbieraħ, hawnhekk m’aħniex nitkellmu dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija, iżda dwar ħruġ ta’ dokumenti tal-vot lil nies li m’għandhomx id-dritt għalih. Fost in-nazzjonalitajiet ta’ persuni li ngħataw id-dritt tal-vot kontra l-liġi hemm Ċiniżi, Russi, Sirjani, Pakistani u mill-Ażerbajġan.

Beppe Fenech Adami sostna li hu interessanti li minkejja li dan l-iskandlu seħħ fl-Uffiċċju Elettorali, li responsabbli għalih hu l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, r-reazzjoni għal dan l-iskandlu ħarġet mill-Ministeru ta’ Owen Bonnici. “Għandna Prim Ministru li jaf b’dan l-iskandlu, li iżda qed jiprova jaħrab minnu u jitfgħu fuq ħaddieħor,” qal Beppe Fenech Adami, li sostna li l-iskandli korrotti kollha li seħħew f’din il-leġiżlatura, kollha seħħew fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Preżenti kien hemm ukoll id-Direttur tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Matthew Mangion.