Lokali

Ir-rapport tal-Caritas juri li l-faqar qed jiżdied

Filwaqt li jilqa’ r-rapport tal-Caritas għall-mod serju li bih sar, il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib serju dwar dak li rriżulta minn dan l-istudju, jiġifieri li taħt Gvern Laburista l-faqar żdied minflok naqas. Anzi, skont il-wegħda ta’ Joseph Muscat qabel l-elezzjoni ġenerali, il-faqar kellu jinqered għal kollox.

Minflok, iżda, il-faqar żdied u żdied b’mod allarmanti. Barra minhekk, il-wegħda ta’ Joseph Muscat li jdaħħal ‘living wage’ li biha familja tkun tista tlaħħaq mal-ħajja wkoll taret mar-riħ, tant li l-familji qed iħallsu ferm aktar għall-istess basket ta’ prodotti li kienu jixtru tliet snin ilu.

Dan qalitu x-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tat ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għar-rapport imħejji minn Caritas Malta: “A Minimum Essential Budget for a Document Living – 2016”.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Stephen Spiteri, kif ukoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u d-Drittijiet għat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà Robert Cutajar.

Paula Mifsud Bonnici rreferiet għar-rapport tal-Caritas, li juri bl-aktar mod ċar kif in-nefqa bażika għal ħajja diċenti għall-familji Maltin u Għawdxin żdiedet b’aktar minn €800 fis-sena, dik tas-‘single parents’ żdiedet b’aktar minn €600 fis-sena, filwaqt li n-nefqa għall-anzjani żdiedet b’€200. Dan fuq l-istess prodotti li fuqhom sar l-istess studju fl-2012.

Kompliet li l-istess rapport juri li n-nefqa tal-familji Maltin u Għawdxin fl-affarijiet essenzjali, bħall-ikel, żdiedet b’mod sostanzjali u b’rata ferm aktar ogħla mir-rata tal-inflazzjoni. L-istudju tal-Caritas juri li l-familji l-aktar dgħajfa fid-dħul jagħmlu madwar nofs in-nefqa tagħhom fl-ikel. Dan ifisser li l-piż taż-żidiet tal-prezzijiet tal-ikel hu ferm akbar fuq dawn il-familji milli fuq familji oħrajn.

Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiddiskuti fid-dettall ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport, filwaqt li se jkun qed jistieden lil Caritas biex tagħmel preżentazzjoni tal-istudju lill-Grupp Parlamentari.

Min-naħa tiegħu, Stephen Spiteri qal li d-dħul ta’ familji li jirċievu assistenza soċjali jew familji li għandhom paga minima waħda u eliġibbli għal ‘work-in benefit’ hu anqas mill-minimu stabbilit għall-basket ta’ ħajja diċenti.

Kompla li dan ifisser li għandna familji li lanqas biss jistgħu jgħixu ħajja diċenti għax, kif jirriżulta minn dan l-istudju, ma jdaħħlux biżżejjed flus biex ilaħħqu mal-ispiża bażika fix-xahar. Spiteri qal li l-basket li għamlet referenza għalih il-Caritas jinkludi biss oġġetti li huma verament neċessarji u ikliet li huma fl-aktar livell bażiku, minflok xi affarijiet li huma ta’ kumdità.

U Robert Cutajar irrefera għal dak li qal id-Direttur ta’ Caritas Leonid McKay, jiġifieri li l faqar mhux bilfors hu tort ta’ dik il-persuna li qed tesperjenzah, iżda l-‘policymakers’ għandhom jużaw dawn it-tip ta’ studji biex joħorġu bl-aqwa ‘policies’ ħalli jassiguraw li l-familji li jgħixu fir-riskju tal-faqar, mhux jiżdiedu iżda jonqsu.

Cutajar esprima l-apprezzament tiegħu għax-xogħol siewi tal-Caritas fuq dan ir-rapport, filwaqt li kompla li dak li pprova jinsinwa Michael Farrugia lbieraħ, jiġifieri li l-Klabb 3-16 u l-Breakfast Club ġew imnedija minn dan il Gvern, mhux minnu għax dawn l-inizjattivi kienu bdew b’suċċess minn Gvern Nazzjonalista.

Robert Cutajar tkellem ukoll dwar ir-reazzjoni tal-Gvern għar-rapport tal-Caritas u qal li l-fatt li l-Gvern irreaġixxa b’mod immedjat jikkonferma kemm hu nkwetat bis-sitwazzjoni. Spjega kif waħda mill-akbar problemi hi ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-ikel, fejn jirriżulta li dawn għolew b’16% fuq l-2012.

Jirriżulta wkoll li nofs in-nefqa tal-familja hi fl-ikel u għalhekk il-problema hi waħda reali. Dan meta jirriżulta li fil-pajjiż hawn madwar 90,000 persuna fil-faqar, li qed ikompli jiżdied fl-aħħar tliet snin.