Eks-Spettur tal-Pulizija, Walter Spiteri, ser jerġa’ jiddaħħal lura fil-Korp tal-Pulizija u ser jingħata l-ħatra ta’ Supretendent tal-Pulizija b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017.
Dan hu l-aħħar minn numru mhux żgħir ta’ eksmembri tal-Korp tal-Pulizija li wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-Partit Laburista reġa’ daħħalhom lura fil-Korp u tahom promozzjoni. Uħud minnhom baqgħu jservu fil-Korp għal ftit xhur biex ħadu żieda fil-pensjoni tagħhom u ħallew il-Korp. Oħrajn, wara li ħadu l-promozzjoni, telqu u ġew impjegati ma’ xi ministeru jew saħansitra f’xi awtorità tal-gvern.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, il-Ministru Carmelo Abela kkonferma li dan l-eks-Spettur tal-Korp tal-Pulizija se jerġa’ jidħol lura fir-rank ta’ Supretendent.
Fir-risposta tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela qal li, “fir-rakkomandazzjoni tiegħu l-Bord tal-‘Grievances’ irrakkomanda li kien moralment konvint li ma kienx hemm raġunijiet ġustifikati biex din il-persuna tinqabeż għal diversi drabi milli tkun promossa għar-rank ta’ Supretendent”.
Kienu diversi l-mistoqsijiet parlamentari li saru minn naħa tal-Viċi Kap tal-PN u Shadow Minister għall-Intern, Beppe Fenech Adami fejn staqsa għal diversi drabi meta ġie mwaqqaf dan il-Grievances board, u min kienu l-membri ta’ dan il-bord imwaqqaf.
Beppe Fenech Adami staqsa wkoll għal diversi drabi xkienu l-poteri mogħtija lil dan il-bord, kemm il-każ ġie deċiż u kemm mill-każi deċiżi mill-istess bord ġew implimentati.
Kienu diversi l-membri tal-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma’ dan is-sit u qalu li ma kinux infurmati li twaqqaf dan il-bord. Staqsew ukoll għaliex twaqqaf dan il-bord meta jeżisti l-Ombudsman li għandu kariga Kostituzzjonali u tali deċiżjonijiet suppost jeħodhom hu u mhux bord li ġie mwaqqaf ad hoc u li ħadd ma jaf x’poteri għandu u kemm hi legali d-deċiżjoni tiegħu.
Ħafna pulizija qed jilmentaw li dan l-istess bord, bid-deċiżjonijiet unilaterali tiegħu qed joħloq inġustizzji hu stess meta qed jieħu tali deċiżjonijiet.
//= $special ?>