Caritas Malta fetħet il-binja “Et Iris” f’San Blas. Binja li se tilqa’ fiha tfajliet, nisa u ommijiet li qed isegwu programm residenzjali ta’ riabilitazzjoni mid-droga. Tkellmet ma’ Net News dwar l-esperjenza tagħha Delaia Zammit , li residenti f'”Et Iris”. Delaia għaddiet messaġġ lil pubbliku sabiex jagħtu ċans lil dawk li waqgħu fil-vizzju tad-droga biex ikomplu bil-ħajja normali tagħhom.
Il-binja ġiet rinovata biex b’hekk issa nisa li għaddejjin mill-problema ta’ droga għandhom post residenzjali li jgħinhom jirriformaw ruħhom. Id-direttur tal-Caritas Malta, Leonid McKay spjega kif is-servizz li se toffri din id-dar, mhux servizz ġdid anzi n-nisa ilhom jieħdu servizz ontra l-abbuż tad-droga minn meta l-ewwel darba infetaħ ċentru ta’ riabilitazzjoni madwar 30 sena ilu.
Matul is-sena l-oħra kien hemm żieda gradwali ta’ nisa li resqu lejn is-servizzi tal-Caritas u kien hemm anke 18-il mara li għaddew mill-programm li toffri l-Caritas biex jirrijabilitaw ruħhom.
Id-dar ngħatat l-isem ta’ Et Iris, bil-latin, u li tfisser qawsalla għaliex għar-residenti tad-dar il-qawsalla tfisser il-kwalitajiet sbieħ tagħhom.
Caritas Malta rringrazzjat lill-pubbliku li dejjem wera s-sapport tiegħu finanzjarjament, fosthom waqt programm ta’ Xarabank matul is-sena l-oħra li matulu kienu nġabru fondi għall-binja Et Iris.