Internazzjonali

L-Eurovision: Tħassib għall-familja ta’ Jamala

Il-kantanta mill-Ukrajna li rebħet l-Eurovision, Jamala, qalet li r-rabja tar-Russja talli ma rebħitx il-kompetizzjoni mużikali kienet biss sinjal ta’ dgħufija.
Kummentaturi fir-Russja qed isostnu li kien hemm konfoffa politika biex tirabħha l-Ukrajna u mhux ir-Russja, li spiċċat fit-tielet post bil-kanzunetta tagħha.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, Jamala qalet ukoll li l-familja tagħha kellha tmur tistaħba għand qraba fil-Krimea peress li kienu qed ikunu assedjati minn ġurnalisti Russi.
Jamala rebħet bil-kanzunetta “1944” li titratta d-deportazzjoni tat-Tartari, grupp etniku Musulman mir-reġjun tal-Krimea, reġjun li issa l-President Vladimir Putin ħa mill-Ukrajna u fl-2014 għaqqadha mar-Russja. Id-deportazzjoni ta’ 240,000 persuna kienet saret fl-1944 u fosthom, qalet Jamala, kien hemm in-nanna tagħha.
Jamala, li isimha propju hu Susana Jamaladinova, qalet li hi kienet tipprova ma tantx tagħti każ għall-kritika u theddid mir-Russja, fosthom bojkott tal-kompetizzjoni tas-sena d-dieħla fl-Ukrajna. Hi qalet li r-Russi kellhom din il-karateristika li hu diffiċli ħafna għalihom li jaċċettaw telfa. Qalet ukoll li minn dan kollu, kien qed idejjaqha l-mod kif qed jiġu stmati l-ġenituri tagħha, li għadhom igħixu fil-Krimea.
Iżda minkejja din it-tensjoni politika bejn iż-żewġ pajjiżi, dan ma kienx rifless fit-televoting. Dan peress li l-Ukreni għażlu lill-kanzunetta Russa bħala l-favorita u l-kanzunetta ta’ Jamala spiċċat bit-tieni l-akbar ammont ta’ voti mir-Russi wara dik tal-Armenja.