Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni se tappella minn deċiżjoni tal-Ispeaker

L-Oppożizzjoni se tkun qed tappella mid-deċiżjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li ddikjara llejla fil-Parlament li l-proċedura applikata kienet korretta meta ma laqax il-mozzjoni ta’ ċensura kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, li tressqet nhar it-Tnejn li għadda mid-Deputat indipendenti Marlene Farrugia.

Wara ruling li ta llejla fil-bidu tas-seduta parlamentari, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Mario de Marco, iddikjara li l-Oppożizzjoni se tkun qed tappella minn din id-deċiżjoni.

Ir-ruling ingħata mill-Ispeaker wara li fis-seduta tal-bieraħ filgħaxija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lill-Ispeaker jgħid fuq liema bażi talab li tinbidel mozzjoni tad-deputat indipendenti Marlene Farrugia kontra Keith Schembri, u ddeċieda li ma kinitx ammissibbli meta fil-leġislatura li għaddiet kien hemm mozzjoni simili mressqa mill-Oppożizzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien kontra persuna f’kariga simili għal dik taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru tal-lum, Keith Schembri.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrimarka lbieraħ mal-Ispeaker, li nħoloq preċedent ċar meta fil-leġislatura li għaddiet il-Parlament iddiskuta u approva mozzjoni kontra Richard Cachia Caruana, u llum mhux qed tiġi aċċettata mozzjoni kontra Keith Schembri, u ddikjara li din hi sitwazzjoni fejn id-demokrazija sejra lura flok ‘il quddiem.

Talab ukoll lill-Ispeaker jidħol fin-natura tal-kuntratti ta’ Keith Schembri u ta’ Richard Cachia Caruana u talbu wkoll jieħu kunsiderazzjoni tal-karigi ta’ dawn iż-żewġ persuni li nħatru bl-istess mod mill-gvernijiet differenti.

F’ruling li qara u li ħa l-ħin kollu tal-mistoqsijiet, l-Ispeaker irrifera għar-regolamenti tal-Kamra u għal dak prattikat f’diversi parlamenti tal-Commonwealth. Spjega li kien hemm żewġ okkażjonijiet, fl-1977 u fl-1994 meta mozzjonijiet ma kinux aċċettati. L-Ispeaker spjega li meta ġiet ippreżentata l-mozzjoni kontra Richard Cachia Caruana f’April 2012, ma nqalgħetx il-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà, bl-Ispeaker ta’ dakinhar iddeċieda li jdaħħal dik il-mozzjoni fil-ktieb tal-mozzjonijiet. Il-mozzjoni kienet diskussa, bid-Deputat Prim Ministru Tonio Borg kien qajjem il-punt proċedurali iżda ma kienx talab għal ruling.

Il-mozzjoni li ressqet nhar it-Tnejn fil-Parlament Marlene Farrugia, kienet kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, bil-mozzjoni tinbidel wara li l-Ispeaker informa lil Marlene Farrugia li wara parir legali, ma kienx qed jilqa’ l-mozzjoni u mhux se jdaħħal il-mozzjoni fil-ktieb tal-mozzonijiet tal-Kamra minħabba li mozzjoni ta’ ċensura trid issir kontra l-ministru li hu responsabbli mill-ħatra taċ-Chief of Staff Keith Schembri, f’dan il-każ responsabbiltà tal-Prim Ministru.

Quddiem din il-pożizzjoni, l-eks-Deputat Laburista Marlene Farrugia bidlet il-mozzjoni ta’ ċensura minn waħda kontra Keith Schembri għal mozzjoni kontra l-Prim Ministru Muscat.