Raġel ta’ 40 sena kien illiberat mill-Qorti minħabba li ma tressqux biżżejjed provi kontrih f’każ relatat ma’ serqa b’valur totali ta’ €233,000 li saret minn ġojjellerija fl-2007.
Romeo Bone, mill-Furjana, kien akkużat bis-serqa armata li għamlu żewġ persuni fit-8 ta’ Frar ta’ disa’ snin ilu mill-ħanut Diamonds International f’Portomaso. Hu kien akkużat ukoll b’serq ta’ numru ta’ vetturi u pjanċi tar-reġistrazzjoni, kif ukoll li żamm għandu affarijiet misruqa, li għamel rapport falz u li riċediv.
Bone kien arrestat minħabba marki tas-swaba’ li nstabu fuq il-batterija ta’ karozza li dakinhar li seħħ il-każ kienet qed issakkar karozza tal-Pulizija quddiem l-Għassa ta’ San Ġiljan. Barra minhekk, għall-ewwel, impjegata tal-ħanut kienet identifikat lil Bone bħala wieħed miż-żewġ persuni li wettqu s-serqa.
Iżda mistoqsija kemm hi ċerta fl-identifikazzjoni, l-impjegata qalet li bbażat l-għażla fuq il-fattizzi ta’ wiċċu, minkejja li wiċċu kien mgħotti b’par ‘tights’ tan-nisa. Barra minhekk, aktar tard, l-impjegata ma rnexxilhiex tidentifika lil Bone waqt l-‘identification parade’, li saret ħamest ijiem wara s-serqa.
Il-Qorti nnutat ukoll li xufier tal-linja semma’ żewġ persuni b’boilersuit blu jaħarbu mill-post, filwaqt li żewġ xhieda oħra qalu l-ħallelin kienu lebsin uniformi tal-membri tas-sigurtà. Mistoqsi mill-Pulizija, ix-xufier tal-linja kien qal li għaraf lil min wettaq is-serqa, iżda ma għarfux fil-Qorti bħala l-akkużat.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri qalet li ma tistax tifhem kif ix-xhieda kollha qalu li għarfu lil min wettaq is-serqa, iżda kollha ma għarfuhx fil-Qorti waqt il-proċessi ta’ identifikazzjoni. Barra minhekk, l-ebda oġġett misruq ma nstab f’xi propjetà ta’ Bone.
Kien għalhekk li l-Qorti ddikjarat li l-Prosekuzzjoni ma ppreżentatx ix-xhieda meħtieġa biex tipprova l-akkużi kontra Bone. Kien għalhekk li nħeles minn kull akkuża.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Stephen Mallia, filwaqt li l-Avukat Kathleen Grima dehret għall-akkużat.
//= $special ?>